Il-proġetti pilota ta’ ġimgħa ta’ erbat ijiem xogħol flok ħamsa, fejn l-impjegati jaħdmu 32 siegħa iżda xorta jieħdu l-istess paga daqs li kieku jaħdmu 40, kellhom riżultati inkoraġġanti ħafna. Fl-Istati Uniti u fl-Irlanda, proġett ta’ sitt xhur li sar is-sena li għaddiet fost 33 kumpanija kellu riżultat pożittiv dwar il-prestazzjoni tal-kumpanija, il-produttività u l-kwalità tal-ħajja tal-impjegati li rrappurtaw inqas stress u għeja u kellhom bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. 27 mill-kumpaniji li ħadu sehem ikklassifikaw il-miżura bħala waħda ta’ disgħa minn għaxra meta għaxra hu l-grad massimu. Riżultati pożittivi nkisbu wkoll fir-Renju Unit, fejn 86% ta’ 70 ditta li ħadu sehem fi prova qalu li kienet suċċess sal-punt li kienu se jibqgħu b’ġimgħa ta’ erbat ijiem fuq bażi permanenti. Provi fil-Belġju, Spanja, il-Ġappun, l-Awstralja u New Zealand ukoll taw riżultati pożittivi.

Minkejja dan, il-ġimgħa ta’ erbat ijiem għadha xi ħaġa tal-ftit, jekk mhux ħolma. X’tgħallimna s’issa minn dawn il-​proġetti pilota? Hemm fatturi komuni u hemm xi setturi ekonomiċi li mhumiex kompatibbli ma’ din is-sistema?

  • L-evidenza s’issa tissuġġerixxi li l-xogħol f’uffiċċju hu l-aktar adattat għal ġimgħa ta’ erbat ijiem. Il-setturi tas-servizzi finanzjarji, professjonali u xogħolijiet ibbażati fuq ħiliet speċjalizzati huma fuq quddiem peress li jistgħu jintroduċu miżuri bħal ġranet mingħajr laqgħat biex tkun tista’ ssir enfasi purament fuq il-produttività biex tagħmel tajjeb għat-tnaqqis fis-sigħat ta’ xogħol.
  • F’setturi oħra fejn ix-xogħol jitkejjel bil-ħin, tal-ġimgħa tax-xogħol b’inqas siegħat teħtieġ tibdil aktar radikali peress li inqas xogħol jista’ jirriżulta f’inqas dħul finanzjarju. F’dan il-każ il-kunċett jista’ jinbidel għal wieħed li fih il-ħlas ikun ibbażat għal kull valur tal-proġett aktar milli fuq għal kemm-il siegħa ingħata s-servizz.
  • Tagħlima oħra li ħarġet hi li ħaddiema differenti jingħataw ġranet differenti ta’ xogħol biex jikkoordinaw aħjar u jkun evitat tfixkil fl-operat.
  • S’issa, l-inqas inklinati li jintroduċu l-ġimgħa ta’ erbat ijiem huma l-industriji tal-manifattura peress li hemm rabta diretta bejn il-livelli ta’ produttività u l-ħin li wieħed iqatta’ fuq ix-xogħol.
  • Madankollu, id-daqs u l-kultura tal-kumpanija huma importanti wkoll. Mhux ta’ b’xejn li kienu ftit il-kumpaniji internazzjonali l-kbar li għamlu provi tal-ġimgħa ta’ erbat ijiem. Għalkemm Microsoft fil-Ġappun u Unilever fi New Zealand kellhom riżultati pożittivi, kumpaniji oħra multinazzjonali qagħdu lura. Filwaqt li kumpaniji kbar għandhom il-kapaċità finanzjarja li jagħmlu l-bidla, għandhom l-iżvantaġġ ta’ struttura riġida. Fil-prattika l-ġimgħa ta’ erbat ijiem tidher li hija popolari l-aktar fost l-intrapriżi żgħar u medji peress li huma aktar flessibbli u ġeneralment ikollhom kap eżekuttiv li jkollu widnejn fuq il-polz tal-ħaddiema u b’hekk jifhem l-impatt li bidla bħal din iġġib. Fi kliem ieħor, entitajiet żgħar għandhom inqas probabbiltà ta’ burokrazija. Dan jista’ jkun ta’ vantaġġ fil-kuntest Malti, fejn l-SMEs huma s-sinsla tas-settur privat.
  • Dawn il-proġetti pilota wrew li fejn min imexxi ma jkunx konvint minn ġimgħa ta’ erbat ijiem jew saħansitra jirreżistiha, ikun hemm il-problemi. Dan għaliex xi maniġers jistgħu jqisu l-ġimgħa tax-xogħol iqsar bħala theddida għall-kontroll tagħhom jew ta’ xkiel biex jikkontrollaw l-impjegati. Fil-prattika dan iwassal għa ċertu esaġerazzjonijiet f’dak li għandu x’jaqsam mas-sorveljanza tal-ħaddiema u pressjoni żejda fuq il-produttività. Ir-riżultat finali kien li ġimgħa ta’ erbat ijiem wasslet għal iktar tensjoni u stress fost il-ħaddiema.
  • M’għandniex xi ngħidu, f’setturi bħall-ospitalità u il-bejgħ bl-imnut bħal bars, ristoranti u ħwienet, ġimgħa ta’ xogħol iqsar x’aktarx tirriżulta fi tnaqqis fid-dħul peress li l-ħaddiema ma jistgħux sempliċement iħaffu s-servizz tagħhom. Għalhekk, kif inhuma l-affarijiet ġimgħa ta’ erbat ijiem għal dawn il-ħaddiema ma tidhirx fattibbli.

Il-vantaġġ kompetittiv

L-esperti jemmnu li l-ġimgħa ta’ erbat ijiem x’aktarx li żżid fil-popolarità għalkemm qatt ma tista’ ssir xi ħaġa tal-massa. Forsi, il-fattur kruċjali f’dan kollu jkun il-vantaġġ kompetittiv li jkollu  min jimplimenta tali miżura.

Fi żmien meta hemm kompetizzjoni ħarxa għar-reklutaġġ, il-prospett ta’ ġimgħa ta’ erbat ijiem jista’ jkun determinanti biex ikunu attirati l-ħaddiema. Jista’ jkun hemm xenarju fejn il-fatt li ma toffrix din l-opportunità tista’ tpoġġi kumpanija jew lil min iħaddem fi żvantaġġ sal-punt li xorta waħda jkollha tingħata. S’issa Malta għadha lura f’dan ir-rigward, peress li lanqas biss wasalna fl-istadju li nikkunsidraw proġett pilota. Madankollu, fl-isfond tad-dibattitu li għaddej għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u biex jiġu indirizzati ċerti nuqqasijiet fis-suq tax-xogħol, il-ġimgħa ta’ erbat ijiem tista’ tkun tabilħaqq soluzzjoni.