Informazzjoni li ħarġet fil-parlament lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet uriet li kważi żewġ terzi tal-inkjesti maġisterjali dwar inċidenti serji f’siti ta’ kostruzzjoni għadhom pendenti. Jirriżulta li mill-2017 ‘il quddiem, mid-59 inkjesta l kienu nfetħu 25 biss ġew konklużi. L-iskop ta’ tali eżerċizzju huwa li jiġu stabbiliti l-fatti u possibbilment iċ-ċirkostanzi dwar id-dinamika tal-inċident u li dawn is-sejbiet jingħataw lill-pulizija, li tista’ jekk ikun hemm bażi, toħroġ akkużi lil terzi li jkunu kriminalment responsabbli.

Sfortunatament, f’Malta l-inkjesti maġisterjali itawlu mhux ħażin. Konsegwentement, jistgħu jgħaddu xhur jekk mhux snin sakemm dawk allegatament responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja. Din is-sitwazzjoni qed tqajjem perċezzjoni negattiva, kemm fuq l-industrija tal-kostruzzjoni kif ukoll fuq is-sistema tal-ġustizzja nnifisha. Filwaqt li mhix l-intenzjoni tagħna li nippuntaw is-swaba  dwar għaliex dawn l-inkjesti kultant jieħdu s-snin biex jiġu konklużi, hu importanti li s-sistema tiġi rranġata. Wieħed mis-suġġerimenti li jsiru minn żmien għal żmien huwa li jkun hemm maġistrati speċjalizzati fuq l-inkjesti, aktar milli l-istruttura preżenti li biha l-maġistrati jkollhom ilaħħqu bejn il-kawżi tagħhom u l-inkjesti.

Skont rapporti fil-midja fil-preżent hemm 29 inkjesta pendenti li jinvolvu imwiet fl-industrija tal-kostruzzjoni, li ħafna minnhom jinvolvu waqgħat mill-għoli. Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, Mark Gauci, qal li kienu qed jagħmlu pressjoni għal emendi leġiżlattivi bil-għan li huma jkunu involuti fl-inkjesti dwar inċidenti fuq il-post tax-xogħol, fi sforz biex jitħaffef il-proċess. Sakemm inkiteb dan l-editorjal, fuq l-aġenda tal-parlament kien hemm Abbozz ta’ Liġi li għandu l-għan li jinvolvi l-Awtorità f’inkjesti maġisterjali. Skont il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità dan huwa pass fid-direzzjoni t-tajba għax għandu jirriżulta biex il-konklużjonijiet jieħdu inqas żmien.

Minbarra li tiġi stabbilita responsabbiltà kriminali, l-inkjesti jistgħu wkoll jindirizzaw għanijiet usa’. Hawnhekk tidħol il-kwistjoni tal-inkjesti pubbliċi. Dawn tal-aħħar għandhom l-għan li jidentifikaw nuqqasijiet istituzzjonali li setgħu wasslu għal tali inċidenti u jistabbilixxu protokolli biex jissaħħu s-salvagwardji. Għalhekk il-proposta biex titnieda inkjesta pubblika dwar il-mewt traġika ta’ Jean Paul Sofia timmerita konsiderazzjoni serja. Ma ninsewx li meta saru sejħiet simili b’rabta mal-qtil brutali ta’ Daphne Caruana Galizia, kien hemm ħafna xettiċiżmu wkoll jekk mhux reżistenza minn diversi partijiet. Fl-aħħar mill-aħħar, iżda, dik l-inkjesta pubblika serviet biex titfa’ dawl fuq il-klima ta’ impunità li wasslet għall-qtil tagħha filwaqt li indikat nuqqasijiet serji li għandhom jiġu indirizzati biex l-istorja ma tirrepetix ruħha.

Fil-każ tal-industrija tal-kostruzzjoni, inkjesta pubblika sservi biex tieħu stampa tas-sitwazzjoni u possibbilment tindika kif din l-industrija, li bħalissa hija waħda mill-muturi ewlenin tal-ekonomija Maltija, tista’ tiġi regolata aħjar bit-tama li jonqos il-periklu għall-ħaddiema u għal terzi.