Il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy indirizza l-Parlament Ewropew waqt sessjoni plenarja straordinarja fi Brussell.

Fil-ftuħ tas-sessjoni, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet lill-President Zelenskyy: “Nifhmu li qed tiġġieldu mhux biss għall-valuri tagħkom, iżda għal tagħna wkoll.”

“L-Ukrajna hija l-Ewropa u l-futur tan-nazzjon tiegħek jinsab fl-Unjoni Ewropea”, kompliet il-President Metsola, u żiedet li l-UE għandha tagħti lill-Ukrajna “l-iktar proċess ta’ adeżjoni mgħaġġla possibbli” u, “bħala pass li jmiss, tipprovdi l-armi long range u l-ajruplani meħtieġa biex tiġi protetta l-libertà li wisq ħadu bħala xi ħaġa akkwistata għal dejjem.”

Fl-indirizz tiegħu lill-MPE, il-President Zelenskyy saħaq kif ir-Russja qed tipprova teqred mhux biss lill-Ukrajna sovrana, iżda wkoll l-“istil ta’ ħajja” Ewropew. Fisser kif jara l-Ewropa bħala kontinent ibbażat fuq regoli, valuri, ugwaljanza u ġustizzja, u (…) post fejn l-Ukrajna tinsab naturalment. Il-Kremlin, min-naħa l-oħra, qed jagħmel minn kollox biex jeqred il-valuri Ewropej, qal il-President Zelensky, li saħaq kif l-Ukrajna qed tiġġieled u tipproteġi lill-Ewropa minn din il-forza anti-Ewropea.

Huwa irringrazzja lill-Ewropej kollha li appoġġjaw lill-Ukrajna fil-ġlieda kontra l-invażur Russu u lil dawk kollha li għenu lir-refuġjati Ukreni li jaslu fl-UE. Il-President Zelenskyy appella lill-Ewropa u lill-Ukrajna biex jimxu flimkien u jiddefinixxu futur Ewropew komuni. Madankollu, enfasizza li biex il-ħolma tagħna għal uliedna u n-neputijiet tagħna ssir realtà, għandna bżonn il-paċi u s-sigurtà. Dan il-ħolma mhux se tkun possibbli jekk ma tingħelibx din il-forza anti-Ewropea li qed tipprova tisraqilna l-Ewropa tagħna, hu temm jgħid.

Din kienet l-ewwel żjara uffiċjali tal-President Zelenskyy fil-Parlament Ewropew, wara li indirizza lill-MPE mill-bogħod waqt sessjoni straordinarja fl-1 ta’ Marzu 2022, ftit wara li r-Russja bdiet il-gwerra kontra l-Ukrajna. Huwa tkellem ukoll quddiem il-plenarja fl-14 ta’ Diċembru tal-istess sena, meta l-Premju Sakharov tal-Parlament 2022 ingħata lin-nies kuraġġużi tal-Ukrajna.

Tista’ terġa’ tara d-diskors hawn.