Jekk wieħed iħares lura fuq l-20 sena tal-ewro, huwa bla dubju rikonoxxut li l-ewro kienet suċċess bħala l-munita komuni taz-zona ewro, u li wkoll żviluppat bħala  mutur għall-kummerċ internazzjonali, u li saret it-tieni l-aktar munita wżata fid-dinja. 

Madankollu, dan ir-rwol internazzjonali dejjem jikber mhux rifless fir-rappreżentanza esterna tal-ewro f’fora finanzjarji internazzjonali, partikularment il-Fond Monetarju Internazzjonali. Matul is-snin, diversi attentati kienu saru biex ibidlu dan. 

L-aħħar minn dawn l-attentati seħħ fid-dawl tar-Rapport  tal-Ħames Presidenti tal-2015, li sussegwentament wassal għal proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar rappreżentanza unita taz-zona ewro fil-FMI. Il-proposta għandha l-għan li tassigura r-rappreżentazzjoni taz-zona ewro fuq il-Bord Eżekuttiv tal-FMI permezz tal-ħolqien tal-kostitwenza waħdanija taz-zona ewro, u bil-Grupp Ewropew fil-korpi li għad baqa’ fil-FMI. 

L-istati membri urew nuqqas ta’ rieda biex iċedu l-forma kurrenti tar-rappreżentazzjoni fuq il-Bord Eżekuttiv tal-FMI favur kostitwenza unita taz-zona ewro. L-oġġezzjonijiet tagħhom huma l-aktar ġeopolitiċi. Għandhom it-tendenza li jikkunsidraw li l-interess nazzjonali tagħhom ikun servut aħjar fil-qafas tal-istruttura tal-governanza eżistenti tal-FMI. 

Għalkemm il-proposta tressqet quddiem il-Kunsill sa mill-2015, ma kien hemm ebda progress viżibbli s’issa, bid-data tal-2025 għall-implimentazzjoni kif proposta mill-Kummissjoni issa ġiet ikkontestata.