Il-pakkett tal-ivjaġġar normalment ikopri servizz li jgħaqqad varjetà ta’ servizzi relatati mal-vaganzi. Sabiex nieħdu eżempju, il-package travel holidays spiss jinkludu l-akkomodazzjoni, it-trasport jew servizzi ta’ kiri ta’ karozzi, kif ukoll eskursjonijiet jew żjarat fl-ibliet. Dawn  il-pakketti huma għażla attraenti għal dawk li jippreferu vjaġġar inklussiv milli joqogħdu jippjanaw il-vaganza  huma stess – biċċa xogħol li xi ftit jew wisq tirrikjedi ħafna ħin, sforz u riċerka. 

Bl-aħħar direttiva dwar il-Pakkett Ewropew tal-Ivjaġġar, il-konsumaturi Ewropej issa jistgħu jgawdu aktar drittijiet kif ukoll livell għoli ta’ protezzjoni malli jixtru tali ġiti. Taħt din il-liġi Ewropea, il-konsumatur huwa intitolat għal informazzjoni suffiċjenti u preċiża qabel ma jkun iffirmat ftehim kontrattwali bejn il-konsumatur u l-organizzatur tal-vaganza. Dan jinkludi informazzjoni dettaljata dwar it-tip ta’ servizzi provduti fi ħdan il-pakkett, il-prezz kif ukoll l-arranġament għall-ħlas. Dan jassigura li l-prezz tal-pakkett ma jiżdiedx. Il-konsumatur huwa wkoll intitolat biex jikkanċella l-vaganza – dan jista’ jsir bla ħlas jekk id-destinazzjoni tal-ivjaġġar issir perikoluża. Jekk il-konsumatur ma jistax isiefer minħabba bidla fiċ-ċirkustanzi, il-vaganza tista’ tiġi kkanċellata, imma b’miżata ta’ kanċellazzjoni raġonevoli. Tajjeb li wieħed isemmi li r-responsabbilta’ hija wkoll inkluża fi ħdan id-Direttiva Ewropea tal-Pakkett  tal-Ivjaġġar. Din issir ir-responsabbilta’ tal-organizzatur tal-vjaġġ f’każi ta’ nuqqas biex ikunu provduti s-servizzi maqbula. F’każijiet ta’ emerġenzi, l-organizzaturi tal-pakkett  tal-ivjaġġar għandhom ikunu kapaċi li jipprovdu informazzjoni dwar is-saħħa jew  servizz konsulari biex jassistu lill-konsumatur. 

Kollox ma’ kollox, b’din id-direttiva Ewropea f’postha, dawk li jagħżlu vaganza inklussiva għandhom ikunu ċerti li huma  se jgawdu drittijiet sħaħ u protezzjoni fl-Ewropa u lil hinn.