Lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju permezz tal-Fondi tal-UE
Permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għal Malta, l-Assi Prijoritarju 4 – Nibdlu lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju, id-Diviżjoni tal-Ippjanar u l-Koordinazzjoni tal-Prijoritajiet għamlet il-finanzjament tal-UE disponibbli għall-investimenti li jappoġġjaw l-effiċjenza fl-enerġija fl-infrastruttura pubblika u fil-bini pubbliku. Investimenti bħal dawn jistgħu jinkludu azzjonijiet li jinvolvu l-installazzjoni ta’ twieqi u bibien effiċjenti fl-enerġija flimkien ma’ interventi li jiġġeneraw ammont limitat ta’ enerġija rinnovabbli, bħall-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi.
Din is-sejħa toħroġ mill-ħtieġa ta’ Malta li tinbidel lejn l-effiċjenza fl-enerġija u l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli taħt il-miri tagħha tal-Ewropa 2020. Entitajiet eliġibbli li jistgħu japplikaw taħt din is-sejħa huma limitati għal dawk tas-Settur Pubbliku, Ministeri u Dipartimenti tal-Gvern. M’hemm l-ebda limitu massimu għal proġetti sottomessi taħt din is-sejħa u r-rata ta’ kofinanzjament tal-UE hi 80% għal proġetti li ma jiġġenerawx dħul.
L-applikazzjonijiet jibqgħu miftuħin sa nofsinhar tat-3 ta’ Mejju 2021. Għal iktar informazzjoni ġentilment ikkuntattja Servizzi Ewropej f’Malta – SEM fuq 2200 3300 jew info.sem@gov.mt.