Il-każijiet riċenti ta’ persuni prominenti fosthom professjonisti fis-servizzi finanzjarji, negozjanti u persuni esposti politikament li kienu akkużati b’ħasil ta’ flus ġew deskritti mill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta bħala “n-naħa sewda tal-ekonomija sewda Maltija”. Madankollu, sostna li ma jaħsibx li dan hu sinjal li l-ekonomija s-sewda hi ikbar milli kienu maħsub jew li qed tikber.

Il-Prof. Edward Scicluna qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha tnieda r-rapport annwali tal-Bank Ċentrali għall-2020. L-eks ministru tal-finanzi kien qed iwieġeb mistoqsijiet ta’ Voice of the Workers Weekly li staqsa jekk dawn il-każijiet jindikawx li l-ekonomija sewda ta’ Malta kienet ikbar milli kienu maħsub qabel. Skont dokument uffiċjali tal-UE hu stmat li din tammonta għal madwar 25.3% tal-prodott domestiku gross (PGD).

Fit-tweġiba tiegħu, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali irrikonoxxa li din kienet “rata għolja” u tkellem dwar miżuri biex jillimitaw u jiskoraġġixxu tranżazzjonijiet ta’ eluf ta’ ewro bi flus kontanti bħal dawk li jinvolvu bejgħ ta’ propjetà.

Ix-xahar li għadda, Keith Schembri, iċ-chief of staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, flimkien ma’ uffiċjali minn Nexia BT u l-eks diretturi maniġerjali ta’ Allied Newspapers Limited Vince Buhagiar ġew akkużati b’ħasil ta’ flus, tixħim u dikjarazzjonijiet foloz. Sadanittant, l-awtoritajiet Maltin qed jitolbu lir-Renju Unit biex jestradixxu eks direttur ieħor ta’ Allied Newspapers, Adrian Hillman b’rabta mal-istess investigazzjoni. L-akkużati kollha wieġbu mhux ħatja. Fil-qorti ħareġ li Schembri ħallas madwar US$ 5.5 miljun f’tixħim għall-bejgħ ta’ magni tal-istampar lil Progress Press li kienet parti mill-Allied Group.

Fir-rapport tiegħu, il-Bank Ċentrali jbassar li l-ekonomija Maltija din is-sena se tikber b’5.5%, wara tnaqqis rekord ta’ 7% is-sena l-oħra minħabba x-xokk ikkawżat mill-pandemija. Madankollu, l-ekonomija Maltija tista’ tieħu sal-2023 biex terġa’ lura għal-livelli ta’ qabel il-pandemija tal-2019.

Mistoqsi dwar biża’ li jkun hemm żieda fil-qgħad meta titwaqqaf l-iskema tal-wage supplement, il-Prof Scicluna qal lil Voice of the Workers Weekly li l-bidliet li saru fil-bidu tas-sena kienu maħsuba biex dan ikun evitat. Taħt is-sistema l-ġdida l-għajnuna finanzjarja li mill-Gvern li titla’ sa massimu ta’ €800 kull xahar għal kull ħaddiem, hi proporzjonali skont it-tnaqqis fit-turnover mis-sena ta’ qabel. Huwa qal li dan il-mekkaniżmu kien maħsub biex l-għajnuna tonqos b’mod gradwali u tiġi evitata sitwazzjoni ta “cliff edge” – jiġifieri jkun hemm bidla f’daqqa – li twassal għal qgħad.

Il-Bank Ċentrali innota li s-sena li għaddiet il-finanzi pubbliċi iddeterjoraw drastikament, u parzjalment jirriflettu t-tnaqqis fl-attività ekonomika, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ għajnuna fiskali relatata mal-COVID-19. Il-Bank jistma li l-bilanċ fiskali se juri defiċit ta’ kważi 9.5% tal-PGD fl-2020. Il-proporzjon tad-dejn tal-Gvern tela’ għal madwar 55.3% tal-PGD, iżda li baqa’ taħt il-medja taż-żona ewro. Il-pandemija ħalliet ukoll impatt fuq il-bilanċ tal-kont kurrenti, li huwa stmat li rreġistra defiċit għall-ewwel darba f’erba’ snin. Id-dejn tal-Gvern mistenni li jilħaq 60.3% tal-PGD sal-2023.