Għat-tieni sena konsekuttiva l-1 ta’ Ġunju qed jiġi ppreżentat bħala l-jum meta l-pajjiż jibda jirritorna għan-normalità wara l-pandemija tal-COVID-19 li bdiet f’Marzu tas-sena li għaddiet. Dakinhar Malta se terġa’ tiftaħ bħala destinazzjoni turistika bħala parti minn pjan ta’ €20 miljun biex din l-industrija tirpilja.

Meta ħabbar li ċertu restrizzjonijiet kienu se jibdew jitneħħew il-Prim Ministru Robert Abela insista li d-deċiżjonijiet kienu bbażati fuq konsiderazzjonijiet xjentifiċi. Madankollu, id-data tal-1 ta’ Ġunju mill-ewwel qanqlet ċertu memorji jekk mhux suspetti. L-esperjenza ta’ sena ilu ħalliet togħma qarsa. Bħal dakinhar sena, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne kien iddikjara li Malta “kienet rebħet il-gwerra” kontra l-virus – dikjarazzjoni li kienet mgħaġġla u prużuntuża. Dak li ġara fil-perjodu ta’ ‘wara l-gwerra’ li kien karatterizzat minn sens falz ta’ sigurtà li nissel il-Gvern stess,  u s-sitwazzjoni kienet ferm agħar minn dik li konna għaddejna minnuha. Sal-lum in-numru tal-vittmi qabeż l-400 filwaqt li n-numru ta’ każijiet kważi jmiss 30,000.

Sfortunatament, kien biss ix-xahar li għadda meta s-sitwazzjoni saret iddisprata u s-servizz tas-saħħa kien fix-xifer tal-kollass li l-Gvern ħa azzjoni. It-tnaqqis drammatiku fil-każijiet attivi li segwa, ikkonferma kemm kellhom raġun  il-professjonisti mediċi li kienu jisħqu fuq iktar prudenza mill-awtoritajiet sa mill-bidu nett. F’dan ir-rigward, bilkemm titwemmen id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru li Malta kienet “l-aqwa fid-dinja” fl-immaniġġjar tal-pandemija. Jidher, li njora għal kollox pajjiżi bħal New Zealand fejn in-numru ta’ każijiet ġodda fl-aħħar xhur kien ta’ ftit waħdiet.

Dwar it-triq ’il quddiem, l-Assoċjazzjoni tat-Tobba (MAM) diġà wissiet li l-kontrolli preżenti  li jinvolvu testijiet għall-għarrieda fuq xi passiġġieri iżda mhux kollha mhix garanzija li l-virus mhux se jiddaħħal minn barra l-pajjiż. Il-UĦM taqbel mal-proposta tat-tobba li l-passiġġieri għandhom jitħallew jivvjaġġaw biss jekk ikollhom test negattiv negattivi eżatt qabel telqu jew ċertifikat li ħadu l-vaċċin. It-tobba qed isejħu wkoll għall-prudenza biex ċertu żbalji ma jerġgħux isiru.

Madankollu, jidher li l-istorja tista’ tirrepeti ruħha. Is-sena l-oħra, konna mwiegħda li se jkun hemm “mekkaniżmi” biex ma jidħlux persuni infettati mill-portijiet u l-ajruport. Sadanittant, Malta kienet qed tiġi riklamata bħala destinazzjoni tal-parties daqs li kieku ma kien hemm l-ebda pandemija. Ix-xeni ta’ party partikolari f’San Ġiljan li kien sar bi ksur sfaċċat tar-regolamenti tal-COVID-19 għadhom friski f’moħħna. L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu reċentement ċaħdet li Malta għal darb’oħra kienet qed tiġi promossa għal avvenimenti bħal dawn. Madankollu, irriżulta li l-biljetti għal avveniment kbir tal-massa magħruf bħala l-Lost and Found Festival huma diġà għall-bejgħ u qed jiġi reklamat fuq l-internet. Il-festival ta’ erbat ijiem huwa skedat għall-ewwel erbat ijiem ta’ Settembru f’San Pawl il-Baħar. Sadanittant żdiedu żewġ avvenimenti oħra fuq skala kbira – Il-Glitch Festival 2021 għal nofs Awwissu, u Drumcode Festival ukoll għal Settembru.

Fl-isfond ta’ dan kollu iqumu ċerti mistoqsijiet – Dawn l-avvenimenti qed jiġu organizzati bi ksur tar-regolamenti tal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika? Jekk iva, nistennew azzjoni konkreta biex inizjattivi bħal dawn jitwaqqfu. Jekk il-Gvern irid jittieħed bis-serjetà, ma jistax jillimita ruħu biss li jgħid li avvenimenti bħal dawn m’għandhomx “il-barka” tiegħu. Pożizzjoni bħal din hi waħda dgħajfa. Dan hu forma ta’ reklamar qarrieq taħt l-Att tal-Konsumatur ġaladarba ma ħareġ l-ebda permess. X’qiegħed isir biex jittieħdu passi legali dwar dawn ir-riklami li jpinġu lil Malta b’mod irresponsabbli bħala party island f’nofs pandemija? Possibbli għadna ma tgħallimniex il-lezzjoni minkejja li s-sajf li għadda illaxkajna bil-kbir u ħallasna qares. Ninsabu mill-ġdid f’salib it-toroq. Li tiżbalja huwa fin-natura tal-bniedem, imma li tippersisti fl-iżball huwa djaboliku. Ejjew ma nħallux l-istorja tirrepeti ruħha.