Meta min iħaddem imur kontra d-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema il-UĦM Voice of the Workers ikollha tirrikorri għal azzjoni industrijali. Is-settur tas-saħħa huwa bla dubju wieħed mill-iktar setturi sensittivi u kontroversjali. Dan jaffettwa lill-pazjenti, lill-qraba iżda wkoll lill-front liners li fl-aħħar sena tant ilna nisimgħu dwarhom.

Fl-aħħar snin din il-union iltaqgħet ma’ bosta każijiet ta’ diskriminazzjoni bħal ħaddiema li jitħallsu inqas mill-kollegi tagħhom minkejja li jagħmlu l-istess xogħol mal-istess pazjenti fl-istess post tax-xogħol. Il-UĦM ikollha teskala l-kwistjoni billi xi drabi l-Gvern jinjora l-ħaddiema u jirrombla minn fuq kulħadd waqt li jirrifjuta d-djalogu soċjali. Dan meta l-ħaddiema jippruvaw isibu rimedju mingħajr ma jeskalaw is-sitwazzjoni. Huwa f’dan il-kuntest li l-UĦM tibda tikkunsidra l-possibbiltà ta’ azzjoni industrijali għax fir-realtà ma jkun fadal l-ebda għażla oħra. Madankollu, meta tittieħed din it-triq, kwalunkwe direttiva tinħareġ gradwalment sabiex jiġi żgurat li ikun hemm ħsara mill-inqas. Madankollu, ħafna drabi l-Gvern la jiċċaqlaq u lanqas juri xi ħeġġa li jmur madwar il-mejda.

Fi Frar li għadda, il-UĦM żiedet l-azzjonijiet industrijali li jinvolvu madwar 1,300 impjegat tas-settur tas-saħħa li wħud minnhom tħallew jistennew għal sentejn biex jibdew taħditiet dwar ftehim kollettiv ġdid bħal ħaddiema tal-ambulanzi. F’każijiet oħra, impjegati bħal allied healthcare professionals ma kinux qed jieħdu dak li kien miftiehem bil-miktub fil-ftehim kollettiv tagħhom. Kien hemm ukoll l-impjegati ta’ Steward Health Care li kienu qed jitħallsu inqas mill-kollegi tagħhom fuq kotba tal-Gvern minkejja li kienu mwiegħda bil-miktub li se jiġu trattati l-istess mill-bidu ta’ din is-sena. Madankollu, dan l-impenn magħmul bil-miktub ma seħħx.

Għalhekk, id-deċiżjoni li jkunu mħarrxa l-azzjonijiet industrijali ma saritx fis-saħna tal-mument iżda kienet ilha tinħema xhur sħaħ. Minkejja dan, il-UĦM ħadet ħsieb biex tiżgura li pazjenti bil-kanċer, il-kura u t-trattament tal-Covid-19 u każijiet serji fejn il-ħajja tkun fil-periklu ma jiġux affettwati. Kien biss f’dan l-istadju li l-Gvern biddel l-atteġjament … sfortunatament mhux billi fittex id-djalogu imma billi ħa l-union il-qorti f’tentattiv li jagħmel sarima ma’ ħalq il-ħaddiema. Aġir bħal dan jirrifletti l-livell ta’ djalogu soċjali f’Malta bħalissa.

Il-UĦM Voice of the Workers ma tista’ qatt taċċetta dak li qed jgħid il-Kummissarju għas-Saħħa fl-Uffiċċju tal-Ombudsman li allega li l-unions qed jinqdew bil-pazjenti biex  jirbħu l-kwistjonijiet ta’ natura industrijali. Rimarki bħal dawn huma għal kollox inġusti u infondati. Kuntrarju għal dak li l-Kummissarju sostna l-azzjonijiet tal-UĦM qatt ma poġġew il-ħajja tal-pazjenti f’riskju. Min-naħa l-oħra, l-akbar riskju hu li jekk l-affarijiet jibqgħu sejrin hekk is-sistema kollha tal-kura tas-saħħa f’Malta se tbati għax jitilqu n-nies. Hemm limitu ta’ kemm dawn l-impjegati jistgħu jibqgħu jaċċettaw trattament bħal dan. X’futur jista’ jkollhom fi klima ta’ intimidazzjoni li fiha kwalunkwe attentat biex jinstab rimedju jew biex jitħarsu d-drittijiet tagħhom jispiċċa l-qorti? Min se jerfa’ r-responsabbiltà jekk il-ġenerazzjoni żagħżugħa tibda titnaffar minn karriera fil-kura tas-saħħa għax iħossuhom mhux stmati? Il-UĦM qatt ma qagħdet lura milli tiddiskuti iżda l-prinċipju tad-djalogu soċjali jista’ jirnexxi biss jekk ikun imsejjes fuq rieda tajba u l-ġid komuni tal-ħaddiema.

Minflok jinfexx il-frustrazzjoni tiegħu u jipponta subgħajh lejn l-unions, il-Kummissarju tas-Saħħa għandu juża l-enerġija tiegħu biex jagħmel pressjoni fuq l-awtoritajiet għax kien bl-aġir tagħhom li wasalna hawn. 

Il-Kummissarju staqsa lilu nnifsu għaliex dawn it-tilwimiet kollha qed iseħħu fis-servizz tas-saħħa? Qatt staqsa r-raġuni il-Ministeru tas-Saħħa għamel mandat kontra żewġ unions fi żmien xahar? Il-Kummissarju qed jistaqsi lilu nnifsu x’kienet ir-raġuni li ma kienx hemm biżżejjed ambulanzi f’Mater Dei minkejja li l-azzjonijiet industrijali kienu ġew imwaqqfa b’ordni tal-qorti. Jaħseb li n-nuqqas ta’ servizz ta’ kwalità hux dejjem ikkawżat minn azzjonijiet industrijali jew hemm raġunijiet oħra? Il-Kummissarju għas-Saħħa fi ħdan l-Uffiċċju tal-Ombudsman għandu l-kuraġġ u s-snien biżżejjed biex ma jħallihx jirrombla minn fuqu bħal ma qed isir f’każi oħra? Dawn huma xi mistoqsijiet li għandu jaħseb fil-fond dwarhom.