F’perjodu ta’ seba’ snin bejn l-2010 u l-2017 f’Malta kien hemm żieda sinifikanti fid-distakk bejn is-sinjuri u l-foqra, skont studju li sar dan l-aħħar. Min-naħa l-oħra, Malta tispikka għax għandha l-inqas numru ta’ nies li għandhom negative net wealth (it-terminu użat meta l-valur tad-dejn jaqbeż dak tal-assi) b’0.3% biss tal-popolazzjoni

Dawn ix-xejriet ħarġu minn studju dwar id-distribuzzjoni tal-ġid u l-mobbiltà soċjali li sar mill-Eurofound – Aġenzija tal-UE għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol.

Jirriżulta li “hemm xejra ċara ta’ żieda fid-differenza tal-livell tal-ġid f’Ċipru, il-Greċja, Malta, l-Olanda u s-Slovakkja”. Analiżi aktar profonda turi li fl-2010, il-ġid ta’ nofs il-popolazzjoni Maltija kien jammonta għal 14% tal-ġid kollu tal-pajjiż iżda sal-2017 din ir-rata kienet niżlet għal 12%. Fin-naħa l-oħra tal-istatistika ġara l-oppost hekk kif is-sinjuri saru aktar sinjuri. Filwaqt li fl-2010 l-aktar 5% tan-nies sinjuri f’Malta kellhom 33 fil-mija tal-ġid totali tal-pajjiż, is-sehem ġenerali tagħhom f’seba’snin biss tela’ għal 40% tal-ġid totali. Fi kliem ieħor, kważi nofs il-ġid ta’ Malta jinsab f’idejn 5 fil-mija tal-popolazzjoni.

Din ix-xejra seħħet matul l-aktar perjodu ta’ tkabbir ekonomiku robust li beda wara l-2013 meta l-Partit Laburista kien elett fil-gvern. Madankollu, dan huwa sinjal pjuttost inkwetanti għax jikkonferma li l-ġid ma kienx qed jitqassam għand kulħadd bl-istess mod.

L-istudju investiga wkoll il-ġid nett medju tal-popolazzjoni. Malta ikklassifikat fir-raba’ post b’ €158,468 għal kull persuni. Din iċ-ċifra hija kkalkulata billi jiġi diviż il-valur nett tal-familja (assi nieqes id-djun) man-numru ta’ residenti. Bla dubju, ir-rata għolja ħafna ta’ nies li huma sidien ta’ darhom f’Malta kellha impatt qawwi fuq dan ir-riżultat. Il-Lussemburgu kien fuq nett tal-lista b’€ 375,288 li huwa 20 darba iktar mill-Latvja fejn il-ġid nett medju huwa biss ta’ €19,249.

Sejbiet importanti oħra:

• L-akbar proporzjon ta’ persuni li jaħdmu għal rashom huma fil-faxxa tal-20% l-iktar sinjuri fl-UE.

• Kwart taċ-ċittadini Ewropej għandhom it-tieni proprjetà, tliet kwarti għandhom vettura u ftit inqas min-nofs għandhom oġġetti ta’ valur

• Madwar l-UE l-iktar 20% sinjuri għandhom 60 darba iktar assi minn dawk fil-faxxa tal-inqas 20% sinjuri.

• Id-depożiti huma aktar importanti għall-foqra filwaqt li assi oħra bħal ishma, bonds u fondi mutwi huma aktar importanti għas-sinjuri.

• Pajjiżi b’inċidenza ogħla ta nies li huma sidien ta’ djarhom għandhom it-tendenza li ma jkunx hemm distakk daqstant kbir bejn foqra u sinjuri.

L-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE jistabbilixxi l-objettiv tal-koeżjoni soċjali u t-tnaqqis tad-differenza bejn il-livelli tal-iżvilupp tar-reġjuni varji. Il-UĦM tappella lill-Ġvern biex jieħu dan l-istudju  bis-serjetà billi issa hemm evidenza li l-ġid li qed jiġi ġġenerat mhux qed jitqassam sewwa. Tħassib bħal dan jikkonferma t-twissijiet li ħarġet din l-union li l-ekonomija kienet qed isserraħ wisq fuq cheap labour u konsum aktar milli xogħol ta’ kwalità.