Il-Bord Eżekuttiv tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, fosthom ir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni Ewropea, qiegħdin iniedu l-pjattaforma diġitali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, u jistiednu liċ-ċittadini kollha tal-UE jikkontribwixxu fit-tiswir tal-futur tagħhom u dak tal-Ewropa. Il-pjattaforma hija disponibbli f’24 lingwa u tippermetti liċ-ċittadini minn madwar l-Unjoni jaqsmu u jiskambjaw l-ideat u l-fehmiet tagħhom permezz ta’ avvenimenti online.

Il-President tal-Parlament Ewropew, David Sassoli, qal: “Il-pjattaforma tirrappreżenta għodda ewlenija biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jieħdu sehem u jgħidu tagħhom dwar il-Futur tal-Ewropa. Irridu niżguraw li leħinhom jinstema’ u li jkollhom rwol fit-teħid tad-deċiżjonijiet, irrispettivament mill-pandemija tal-COVID-19. Id-demokrazija Ewropea, tat-tip rappreżentattiv u parteċipattiv, se tkompli taħdem jiġri x’jiġri, għaliex il-futur tagħna jitlob dan.”

Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa hija dibattitu bla preċedent u forma ta’ demokrazija miftuħa u inklużiva. Hija tipprova tagħti leħen aktar qawwi lil persuni minn oqsma differenti tal-ħajja madwar l-Ewropa dwar x’jistennew mill-Unjoni Ewropea, li mbagħad irid jgħin fid-direzzjoni u t-tfassil tal-politiki futuri tal-UE. Il-Presidenza Konġunta impenjat ruħha li ssegwi l-eżitu tal-Konferenza.

Għadd ta’ nies kbir kemm jista’ jkun u minn oqsma differenti tal-ħajja huma mħeġġa jikkontribwixxu permezz tal-pjattaforma biex isawru l-futur tagħhom, iżda wkoll biex jippromwovuha fuq il-mezzi tal-media soċjali, bil-hashtag #IlFuturTiegħek.

Il-pjattaforma se tiżgura trasparenza sħiħa – li huwa prinċipju ewlieni tal-Konferenza – hekk kif is-sottomissjonijiet u l-eżiti tal-avveniment jinġabru, jiġu analizzati, segwiti u jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. L-ideat u r-rakkomandazzjonijiet ewlenin li joħorġu mill-pjattaforma se jintużaw għall-panels taċ-ċittadini Ewropej u għall-Plenarji, fejn se jsir dibattitu dwarhom li jwassal għall-konklużjonijiet tal-Konferenza. L-avvenimenti kollha relatati mal-Konferenza li se jiġu rreġistrati fuq il-pjattaforma jiġu viżwalizzati fuq mappa interattiva online.

Il-pjattaforma hija organizzata madwar suġġetti ewlenin: it-tibdil fil-klima u l-ambjent; is-saħħa; ekonomija aktar b’saħħitha u aktar ġusta; il-ġustizzja soċjali u l-impjiegi; l-UE fid-dinja; il-valuri u d-drittijiet, l-istat tad-dritt, is-sigurtà; it-trasformazzjoni diġitali; id-demokrazija Ewropea; il-migrazzjoni; l-edukazzjoni, il-kultura, iż-żgħażagħ u l-isport.

Aktar informazzjoni fuq din il-pjattaforma tinsab hawn.