F’laqgħa tal-kumitat tal-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (ITRE), il-kelliema taw rendikont tas-sitwazzjoni fis-suq tal-enerġija sena wara l-bidu tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukraina, u ddiskutew perspettivi futuri.

Il-President tal-kumitat ITRE Cristian Bușoi (PPE, RO) qal: “id-dinja kif konna nafuha nbidlet u l-mod kif ir-Russja użat l-enerġija mill-2021 kellha konsegwenzi enormi fid-dinja iżda fl-UE b’mod partikolari.

Għal dik ir-raġuni huwa importanti, f’kuntest fejn qed ikollna nħabbtu wiċċna ma’ sfidi għas-sigurtà tal-provvista, iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u l-ostakli fl-infrastruttura, li nżommu f’moħħna li din il-kriżi għadha ma spiċċatx. L-isforzi kollha tagħna għandhom imorru biex nikkonsolidaw l-azzjonijiet li diġà ttieħdu u niżguraw li l-industrija tagħna tibqa’ kompetittiva.”

Il-Kummissarju għall-Enerġija Kadri Simson qal: “Sena ilu l-Kummissjoni ppreżentat il-Pjan REPowerEU biex ttemm id-dipendenza tagħna fuq il-fjuwils fossili Russi u tiddiversifika s-sorsi tagħna. Minn dak iż-żmien ’l hawn issanzjonajna l-faħam u ż-żejt u naqqasna b’mod drammatiku l-importazzjoni tagħna tal-gass – filwaqt li bqajna r-rotta fir-rigward tal-impenji tagħna taħt il-Patt Ekoloġiku Ewropew. Fil-fatt, l-emissjonijiet tal-karbonju naqsu fl-Ewropa bi 2.5% is-sena li għaddiet, skont l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija. Il-kisba ta’ dan kien sforz konġunt – il-Parlament Ewropew huwa alleat importanti fil-ħidma tagħna, li għadha ’l bogħod milli titwettaq kollha! Irrid nirrikonoxxi wkoll lill-miljuni ta’ Ewropej li wrew solidarjetà u għaqda billi aġġustaw l-istil ta’ ħajja tagħhom meta l-Ewropa ntlaqtet mill-akbar kriżi tal-enerġija f’għexieren ta’ snin.”

Id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Fatih Birol qal: “L-Ewropa għandha tiġi mfaħħra għal kif ffaċċjat il-kriżi tal-enerġija, partikolarment f’termini ta’ kif naqqset kemm id-dipendenza tagħha fuq l-enerġija Russa kif ukoll l-emissjonijiet tagħha – filwaqt li mmaniġġjat l-impatti soċjali u ekonomiċi. Imma m’hemmx lok għall-kompjaċenza. L-iżgurar tal-provvisti tal-gass naturali jista’ jkun saħansitra aktar ta’ sfida fix-xitwa li ġejja, u għad irid isir ħafna aktar biex tiżdied il-bażi industrijali ta’ teknoloġija nadifa tal-Ewropa.”

Matul id-dibattitu, il-MPE enfasizzaw il-ħtieġa li jsir aktar sforz fil-miżuri tal-effiċjenza enerġetika, li huma parti importanti mit-taħlita tal-politika tal-UE. Diversi MPE sejħu għal miżuri għal żmien qasir biex ibaxxu l-prezzijiet tal-enerġija għad-djar u n-negozji ż-żgħar. Oħrajn qalu li l-isforz biex jiġu żgurati l-provvisti tal-gass m’għandux inaqqas l-investiment fis-sorsi rinnovabbli. Xi MPE wissew ukoll kontra l-effetti possibbli ta’ intervent fis-suq, jew kontra l-iskambju ta’ dipendenza fuq l-enerġija għal oħra meta niġu għall-importazzjonijiet li qed jiżdiedu tal-LNG tal-UE.

Sfond

Bil-gwerra Russa kontra l-Ukrajna, il-kollass tal-kunsinni tal-gass lejn l-Ewropa mir-Russja, u d-deterjorament tas-suq tal-enerġija, l-UE introduċiet matul l-2022 serje ta’ miżuri ta’ emerġenza: il-mili urġenti tar-riżervi strateġiċi, il-pjan REpowerEU, miżuri li jiffrankaw l-enerġija, u mekkaniżmu temporanju biex jillimitaw il-prezzijiet eċċessivi tal-gass. Miżuri oħra mistennija jitressqu jew jiġu adottati fil-ġimgħat li ġejjin, bħal riforma fis-suq Ewropew tal-elettriku, kif ukoll biex jiffaċilitaw l-użu tal-enerġija rinnovabbli.

Agħfas hawn biex tara d-dibattitu u l-konferenza stampa.