Bżonn li ningħaqdu, iżda l-Gvern bl-ikbar responsabbiltà li jieħu azzjoni biex jinġiebu lura l-flus tal-isptarijiet
Il-miljuni li ntefqu fuq il-ftehim frawdolenti tal-isptarijiet jistgħu jinġiebu lura biss jekk ningħaqdu lkoll flimkien u jitfassal pjan ta’ azzjoni, imma l-ikbar responsabbiltà taqa’ fuq dahar il-Gvern għax hu r-rappreżentant tal-poplu.
“Sur Gvern għandek aptit biex tagħmel l-obbligu li int imsejjaħ biex tagħmel?… Dak li ma nagħmlux aħna uliedna jridu jbatu l-konsegwenzi tan-nuqqas tal-azzjoni tagħna”
Dan kien il-qofol tal-messaġġ tal-Kap Eżkeuttiv tal-UHM Voice of the Workers waqt protesta nazzjonali li ssejħet fl-isfond tas-sentenza storika tal-Qorti li ħassret il-ftehim tal-isptarijiet bejn Steward u l-Gvern, u ordnat li dawn għandhom jingħataw lura lill-poplu.
Josef Vella qal li l-Gvern għandu l-ikbar responsabbiltà f’din il-kwistjoni kollha għax f’għajnejn il-liġi hu r-rappreżentant eżekuttiv tal-poplu u għandu l-interess ġuridiku li jagħmel dan.
“Ma tista’ qatt tiġġieled il-korruzzjoni sakemm kull partit politiku, kull imsieħeb soċjali, kull individwu jħaddan miegħu il-ġlieda kontra l-korruzzjoni.” Fakkar f’dak li qal il-Papa Franġisku li jekk dan ma jsirx iħallas għall-korruzzjoni iż-żgħir, il-fqir u ċ-ċittadin’.
Fid-diskors tiegħu il-Kap Eżekuttiv tal-UHM fakkar li din kienet l-uniku union li qatt ma daħlet f’xi forma ta’ ftehim ma’ Vitals jew Steward għax mill-bidu nett kienet ċara li dan kien kuntratt jinten. Fakkar ukoll li kien b’inizjattiva tal-UHM li l-Awditur Ġenerali fetaħ investigazzjoni, maqsuma fuq tliet rapporti li l-aħħar wieħed għadu ma ġiex pubblikat.
Fisser kif anki l-Qorti stess fis-sentenza irrimarkat li ma kien hemm l-ebda dubju li Vitals u Steward ngħataw din il-konċessjoni b’mod irregolari u qarrieqi b’detriment għaċ-ċittadini possibbilment b’mod kriminali.
Josef Vella qal li ir-real deal, kif kien hemm min iddeskrivieh fi ħdan il-Gvern, fisser li l-Bank of Valletta issa ġie espost għal self ta’ €36 miljun. “Min se jħallas għalihom jekk ma tħallasx Steward, l-azzjonisti tal-bank jew il-poplu Malti?”
Il-kap eżekuttiv fisser kif dan il-ftehim kien reali wkoll għall-ħaddiema ta’ Steward li bdew jitħallsu inqas mill-kollegi tagħhom li jaħdmu fl-istess swali imma huma fuq il-kotba tal-Gvern. “Reali hu l-uġigħ ta’ dawk li il-ħaddiema li wara snin jaħdmu ma’ Steward kellhom jieħdu azzjoni industrijali bil-UHM biex jaqilbu mal-Gvern”.
Qali li l-Gvern kiser il-ftehim għat-trasferiment ta’ dawn il-ħaddiema għax dawn tilfu s-snin ta’ servizz li kienu għamlu ma’ Steward u Vitals u għalhekk kellhom inqas paga għax reġgħu bdew mill-bidu tal-iskali tas-salarji.
Josef Vella kompla li reali huma l-€500 miljun li ntefqu fuq dan il-kuntratt li setgħu intużaw għall-anzjani u ż-żgħażagħ tagħna u biex jitjiebu l-postijiet tax-xogħol.
“Reali hu t-tħassib tal-Qorti ta’ kif l-awtoritajiet governattivi setgħu jidħlu għal dawn l-obbligi b’dan il-mod meta fl-istess ħin mal-ħaddiema imxew mod ieħor tant li ddaħħlet klawsola fl-impjieg tagħhom li jekk dawn jimirdu u ma jkunux jistgħu ikomplu jaħdmu ma jitħallsux ġurnata żejda wara r-riżenja tagħhom jew meta kienu ċertifikati tali.”
“Xi ħadd ifehmni li klawsola bħal din tagħmilha lill-ħaddiem ma jmurx jaħrab xi ġimgħa żejda paga u dawk il-biljuni, erba’ biljuni, ħadd ma kien kapaċi jikkopja mqar din il-klawosla li tajna lill-ħaddiema tagħna.”
Spjega kif fis-16 ta’ Marzu l-UHM se tidher il-Qorti biex issir ġustizzja ma’ 42 impjegat ta’ Steward li ġew kastigati mill-Gvern għax wara li ftiehem, l-Avukat tal-Istat qal li ma setgħux iżommu s-snin ta’ servizz għax dan imur kontra l-kostituzzjoni.
“Fejn kont Avukat tal-Istat meta kienu ffirmati d-deals ta’ erba’ biljuni? Dik ma kinitx kontra l-kostituzzjoni u l-interess nazzjonali?” temm jgħid il-Kap Eżekuttiv tal-UHM.