Is-sitwazzjoni tat-traffiku f’Malta hi uġigħ ta’ ras kbira u qed twassal biex għal ħinijiet twal tal-ġurnata qed ikun hemm zoni sħaħ staġnati, nuqqas ta’ parkeġġ u fuq kollox qed tagħmel il-ħajja iktar diffiċli għal kulħadd. Quddiem din is-sitwazzjoni dan l-aħħar numru ta’ esperti li ħadu sehem f’diskussjoni pubblika insistew b’qawwa kbira li t-triq ’il quddiem biex tittaffa l-problema hu li jkun hemm xita ta’ taxxi u miżuri fiskali. Skont dawn l-esperti il-gvern għandu fost l-oħrajn jgħolli l-petrol u d-diesel, jagħmel il-parkeġġ fit-toroq bil-ħlas u jdaħħal taxxa ġdida għal dawk il-familji li jkollhom iktar minn karozza waħda. Fi ftit kliem, il-ħsieb hu li nikkastigaw lil dawk li għal xi raġuni jew oħra, irrispettivament hix valida jew le, jiddeċiedu li jużaw il-karozza tagħhom. Il-loġika wara dan kollu hu li b’hekk jonqsu l-karozzi fit-toroq u għalhekk ikun hawn inqas traffiku.

Jekk din hi s-soluzzjoni li qed joħorġu biha l-esperti, allura, dan ma tantx jirrifletti tajjeb fuq il-kreattività tal-policy makers tagħna. L-iktar ħaġa faċli f’sitwazzjonijiet bħal dawn hu li tintroduċi taxxa, imma wieħed ikun irid jara l-konsegwenzi speċjalment fuq tul ta’ żmien. F’dan il-każ, miżura bħal din se jkollha impatt soċjali qawwi għax l-iktar li se tolqot se tkun liż-żgħir għax ma jkunx jiflaħ iħallas. Dan jista’ jkollu wkoll il-konsegwenza li ċertu kategorija ta’ ħaddiema ma jibqax jaqblilhom imorru għax-xogħol għax jispiċċaw jonfqu parti sostanzjali mis-salarju fuq it-trasport. Irridu nifhmu li nagħmlu x’nagħmlu se jibqa’ min mhux se jkun jista’ jinqeda sew bil-karozzi tal-linja. Taxxi bħal dawn ifissru li l-isforzi kollha taħt il-kappa tal-policy ‘making work pay’ ikunu taru mar-riħ u jerġa’ jibda jgħolli rasu l-qgħad. Konsegwenza oħra tkun li min ikun jiflaħ iħallas iktar se jiġi bil-karozza għax se jsib il-postijiet battala ta’ dawk li ma jifilħux iħallsu, u għalhekk din it-taxxa jkollha l-effett oppost fuq ċertu kategorija ta’ nies.  

Bir-rispett kollu lejn dawn l-esperti hemm miżuri oħra li jistgħu jittieħdu qabel ma naqtgħu qalbna u nibdew indaħħlu t-taxxi bl-addoċċ.  L-ewwel nett sal-ġurnata tal-lum għadna f’sitwazzjoni fejn ta’ kull filgħodu jidħlu l-belt mat-30,000 ħaddiem fis-settur pubbliku. Possibbli, li ma tistax tinstab soluzzjoni biex ħafna minnhom jaħdmu mid-dar u b’hekk innaqqsu ammont sostanzjali tat-traffiku? Possibbli li ma nistgħux nibdew inqassmu xi servizzi f’postijiet oħra biex mhux kollox ikun ċentralizzat fil-Belt u b’hekk innaqqsu mill-konġestjoni tat-traffiku? Miżura bħal din ma tfisser l-ebda taxxa ġdida u żgur li se tgħin biex tittaffa s-sitwazzjoni.

L-istess prinċipju japplika għal appuntamenti l-Qorti, Dipartimenti tal-Gvern u anki l-Isptar Mater Dei. Possibbli ma nistgħux nagħmlu tibdil fil-ħinijiet biex dawn jitqassmu aħjar u mhux ikunu kollha fl-istess ħin? Il-fatt li f’postijiet bħal Mater Dei is-swali tal-istennija mhux qed ikunu biżżejjed, juri biċ-ċar li l-appuntamenti jistgħu ikunu mifruxa aħjar.

Soluzzjoni oħra hi li jkun hemm numru ta’ hubs madwar il-pajjiż f’postijiet strateġiċi li fihom ikun hemm parkeġġi taħt l-art u faċilitajiet oħra fosthom ħwienet b’oġġetti essenzjali. F’dawn il-hubs il-pubbliku jkun jista’ jħalli l-vettura privata, u jkompli t-traġitt bil-karozzi tal-linja jew shuttle service fl-iktar rotot popolari, f’zoni kummerċjali u oqsma industrijali. Dawn il-proġetti jista’ ikunu finanzjati mill-multi li timponi l-Awtorità tal-Ippjanar fuq proġetti fejn l-iżviluppatur ma jipprovdix biżżejjed spazji għall-parkeġġ. Ta’ min jgħid ukoll li dawn il-multi għandhom ikunu riveduti biex verament ikunu ta’ deterrent u mhux kif inhu fil-preżent.

Dawn huma biss xi wħud mill-miżuri li jistgħu jittieħdu qabel ma jkunu mposti deċiżjonijiet drastiċi biex jitnaqqas it-traffiku. Għalhekk qabel immorru għal soluzzjonijiet spettakolari u li jiswew mijiet ta’ miljuni fosthom flyovers u l-metro, nistgħu nibdew b’soluzzjonijiet bħal dawn. Ikun żball jekk f’dan l-istadju is-soluzzjonijiet ikunu sempliċiment taxxi ġodda, għax dawn ifissru miżuri soċjalment inġusti li jkomplu jgħollu l-ħajja.