Fl-2015 meta l-ftehim tal-isptarijiet tfaċċa fix-xena, il-UHM Voice of the Workers mill-ewwel kienet wissiet li kien hemm l-inkwiet. Fi stadju tant bikri  meta l-unjin ġiet imsejħa mill-Ministru tas-Saħħa ta’ dak iż-żmien Konrad Mizzi li kien qed imexxi dan ‘l-investiment’, kien jidher ċar li kien hemm xi ħaġa tinten. Huwa għalhekk li fl-2016 il-UHM flimkien mal-union tat-tobba kienu talbu formalment lill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi biex jinvestiga din il-konċessjoni. B’hekk konna tellaqna l-proċess li permezz tagħhom saru r-rapporti komprensivi mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika. L-investigazzjoni tal-NAO kienet fundamentali fis-sentenza riċenti tal-Qorti ippreseduta mill-Imħallef Francesco Depasquale fil-każ li kien fetaħ l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Dan tal-aħħar kien talab li jiħassar dan il-ftehim iffirmat fl-2016 ma’ Vitals Global Health Care li wara, fl-2018, kienet ittrasferiet il-konċessjoni lil Steward Health Care. Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti ordnat li t-tliet sptarijiet tal-Istat – San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex – għandhom mur lura f’idejn il-gvern.

Aktar ma beda jgħaddi ż-żmien, aktar beda joħroġ fid-deher it-taħwid ta’ dan il-ftehim anki għaliex il-miri u l-obbligi li kien fih ma bdewx jintlaħqu fosthom l-immodernizzar ta’ San Luqa u l-isptar il-ġdid f’Għawdex li x-xogħol fuqhom qatt ma beda. Madankollu, xi wħud għażlu li jdaħħlu rashom fir-ramel filwaqt li jagħtu l-kunsens biex miljuni min flus il-poplu ikunu sparpaljati fuq dan il-kuntratt għax   ħadd ma jaf eżattament fejn qed imorru. Wieħed jista’ jargumenta li dan kien każ lampanti ta’ tmexxija ħażina u eżempju ċar tal-perikli li jinħolqu meta xi ħadd ipoġġi l-gwadann personali fuq kwalunkwe konsiderazzjoni oħra. Dan kollu wassal biex il-poplu Malti insteraq miljuni ta’ ewro fi proġett li kien hemm saħansitra min iddeskrivih bħala r-’real deal’.

Il-UHM kienet voċifera kontra dan il-ftehim fuq livell ieħor ukoll. Jirriżulta li impjegati li kienu qed jiġu reklutati minn Steward, kienu qed jiġu ttrattati bħala ċittadini tat-tieni klassi peress li kienu qed jiġu offruti kundizzjonijiet inferjuri għal dawk li jgawdu l-kollegi tagħhom li huma fuq il-kotba tal-gvern. Aġir bħal dan kien jikser b’mod sfaċċat il-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali. Impjegati ta’ Steward li jduru l-istess pazjenti fl-istess swali fl-Isptar Karin Grech kienu qed jitħallsu inqas mill-kollegi tagħhom. Wara battalja twila, il-UHM rebħet il-battalja biex dawn l-impjegati jiġu trasferiti fuq il-kotba tal-gvern bil-kundizzjoni li jiġu ttrattati bl-istess mod. Din is-saga ma waqfitx hawn għax il-gvern ma żammx kelmtu li kien ta bil-miktub – jiġifieri li l-impjegati ta’ Steward iżommu s-snin ta’ servizz tagħhom. Il-Gvern iġġustifika għemilu għax qal li dak li kien miftiehem kien “anti-kostituzzjoni” – raġuni kemxejn frivola meta wieħed iqis li l-istess istituzzjonijiet ma kienu għamlu xejn biex iwaqqfu l-ftehim tal-isptarijiet!

Konsegwentement, dawn l-impjegati spiċċaw kellhom jibdew mill-qiegħ tal-iskala bħallikieku qatt ma kienu impjegati qabel. F’dan l-istadju l-UHM ħadet il-gvern il-qorti, li jidher li qed issir l-unika tama li tieħu raġun anke fuq l-iżgħar kwistjonijiet. Kieku ma kienx hekk, il-ftehim tal-isptarijiet kien ikun imwaqqaf mill-ewwel jew saħansitra qatt ma kien jiġi ffirmat.

Huwa għalhekk li l-UHM hi fid-dmir li tappoġġja inizjattivi li għandhom l-għan li jagħmlu pressjoni biex ir-responsabbiltà tintrefa’ u jinġiebu lura l-mijiet ta’ miljuni li ntefqu. Li ma tieħux pożizzjoni deċiżiva f’ċirkustanzi bħal dawn,  ikun ifisser kunsens għal din il-konċessjoni oxxena u li  jkunu aġevolati dawk li kienu wara dan il-kuntratt. Huwa għalhekk li biex issir ġustizzja għandhom jiġu esplorati kemm jekk il-Qorti, l-użu tal-midja u li tinżel fit-toroq..