L-istituzzjonijiet iridu jagħmlu xogħolhom
“L-istituzzjonijiet iridu jagħmlu x-xogħolhom f’dan il-pajjiż”. Din kienet ir-reazzjoni ta’ Manuel Delia, blogger u attivist fl-organizzazzjoni Repubblika, li kien wieħed mill-organizzaturi tal-protesti kontra l-korruzzjoni li saru fil-belt Valletta fil-jiem li għaddew.
Ma’ Voice of the Workers, Manuel Delia fisser il-viżjoni ta’ Repubblika u saħaq li f’Malta “irridu naraw is-saltna tad-dritt tirrenja, irridu naraw li ssaltan il-liġi mill-ġdid”.
Tliet snin ilu, Daphne Caruana Galizia kixfet lil Keith Schembri, lil Konrad Mizzi u l-kumpaniji tagħhom. Dawn ċaħdu li kellhom kumpaniji fil-Panama. Xahrejn wara ħarġu l-Panama Papers u kkonfermaw din l-allegazzjoni. Madankollu, Keith Schembri u Konrad Mizzi baqgħu fejn kienu.
Fil-libell li għamel hu stess, Keith Schembri ma rnexxillux jiddefendi ruħu fil-Qorti. “F’liema stadju l-Pulizija ‘toħroġ mis-sodda’ biex tgħid li hemm bżonn tittieħed azzjoni?”, jistaqsi l-blogger.
Manuel Delia fisser li nhar is-Sibt l-organizzaturi ma għamlux rebħa imma esprimew dak li ilhom jesprimu kull xahar matul dawn l-aħħar sentejn.
Nhar is-Sibt 16 ta’ Novembru 2019 kienet il-25 protesta biex tfakkar, kull xahar, il-qtil ta’ ġurnalista Daphne Caruana Galizia – il-ġurnalista li kixfet għawwar Keith Schembri u persuni distinti oħrajn fil-Gvern.
Repubblika se tibqa’ tinsisti li toħroġ il-verità u ssir il-ġustizzja u se tkompli tagħmel hekk kemm hemm bżonn. Fil-fatt mal-arrest ta’ Yorgen Fenech, sid ta’ kumpanija sigrieta 17 Black li għandha rabtiet ċari ma’ Kastilja u partikularment maċ-Chief-of-Staff Keith Schembri, Repubblika reġgħet sejħet lill-pubblika għal dimostrazzjoni oħra li saret l-Erbgħa 20 ta’ Novembru 2019.
Manuel Delia, flimkien mal-organizzaturi tal-protesta, jinsab sodisfatt bil-preżenza ta’ mijiet ta’ persuni li wieġbu għas-sejħa ta’ Repubblika għaż-żewġ dimostrazzjonijiet.
Dawn in-nies esprimew l-istess rabja li esprimew is-sostenituri ta’ Repubblika. Il-fatt li Keith Schembri għamel xi ħaġa ħażina ilna nafuh tliet snin. Iżda matul il-ġimgħa li għaddiet, Keith Schembri lanqas ma rnexxielu jiddefendi lilu nnifsu fuq il-pedana tax-xhieda f’libell li sejjaħ hu stess.
Keith Schembri jrid jassumi responsabbiltà, irid jitlaq hu stess u jrid jissottometti ruħu għal investigazzjonijiet kriminali. Il-Prim Ministru jrid jieqaf jipproteġih. Għalhekk ħafna nies ħarġu jipprotestaw nhar is-Sibt li għadda. Bl-arrest ta’ Yorgen Fenech, aktar u aktar il-Prim Ministru għandu jieħu azzjoni.
Il-verità hi li din ir-rabja mhux biss qed tinħass minn dawk in-nies li ħarġu jipprotestaw. Il-Gvern għandu responsabbiltajiet indipendenti minn kemm kien hemm nies jgħajjtu fit-triq. Is-sewwa u r-raġuni m’għandhomx bżonn forza. Is-sewwa u r-raġuni jiġu mill-evidenza u l-evidenza hi rrifjutabbli għax Keith Schembri u Konrad Mizzi waqqfu kumpaniji fil-Panama biex jinxtraw. Dan għandu jkollu konsegwenzi inkella f’pajjiżna jsaltnu d-delinkwenti.