Minn tagħrif li rnexxielu jikseb dan il-portal, jidher li  aktar u aktar nies qed jirrikorru għand il-Bank tal-Ikel li jinsab fi Triq l-Ifran, il-Belt. 

Persuna li tkellmet ma’ Voice of the Workers, iżda xtaqet tibqa’ anonima, fissret minn xhiex għaddejja fil-ħajja u għaliex spiċċat tirrikorri għand dan il-Bank. Qalet li hija persuna separata u li qed trabbi erbat itfal żgħar. Għadha qed tistenna biex jibgħatu għaliha ħalli tibda taħdem f’Dipartiment tal-Gvern. Dan ix-xahar kellu jkun l-aħħar wieħed għaliha fil-Bank tal-Ikel peress li diġà qabżet il-perijodu ta’ assistenza ta’ sitt ġimgħat. Iżda jidher li mhux se jkun hemm xi bidla fis-sitwazzjoni finanzjarja tagħha u allura se jkollha tfittex iżjed għajnuna.  

Ma’ dan il-portal, din il-persuna kellha kliem iebes għal min jikri l-appartamenti. “Xi wħud minnhom huma bla qalb, bla kuxjenza…huma qed jeħlu għall-problemi soċjali li nies bħali qed iġarrbu….jaqbdu u jgħollu l-kera mingħajr avviż u jekk ma tħallasx tispiċċa fit-triq u huma lanqas biss jagħtu kasek”. 

Wieħed jistaqsi, għaliex f’dan l-aqwa żmien, fejn  l-ekonomija sejra tajjeb, Malta għandu jkollha Bank tal-Ikel? Jidher li min hu sinjur u min hu tal-qalba qed jistagħna u allura sejjer tajjeb ħafna, filwaqt li hawn nies li qed jgħixu l-faqar qed ikunu injorati. Issib min qed jgħix xahar b’xahar, b’ebda  tfaddil ta’ xejn. Hawn nies, per eżempju, li għandhom il-kontijiet tal-bank iffriżati u allura m’għandhomx aċċess għall-flus tagħhom. Il-Bank tal-Ikel jgħin f’dawn il-każijiet u oħrajn sabiex itaffi xi ftit mit-tbatija ta’ ċertu individwi. 

Il-maġġoranza tan-nies li jirrikorru għall-Bank tal-Ikel jiddependu biss mill-benefiċċji soċjali. Iżda bħalissa hawn sitwazzjoni fejn min għandu mpjieg mhux qed ilaħħaq mal-ħajja bis-salarju li għandu. Tant hu hekk li saħansitra qed jispiċċa jittallab. 

Minn riċerka li għamel dan il-portal, jirriżulta li mill-aħħar ta’ Ottubru, in-numru ta’ persuni li jirrikorru għall-Bank tal-Ikel żdied peress li x-xogħol staġjonali intemm u f’daqqa waħda ħafna individwi spiċċaw bla xogħol. Dan biex ma ninsewx li Settembru wkoll kien xahar iebes għal familji vulnerabbli minħabba l-ispejjeż addizzjonali marbutin ma’ sena skolastika ġdida, li jieħdu l-ftit  flus li  jkun baqa’ b’riżultat li jħallu inqas għall-ikel. 

Billi jipprovdi l-ikel lil min għandu l-bżonn, il-Bank tal-Ikel mhux qed isolvi l-problema. Hawn mijiet ta’ nies li qed jgħixu l-faqar.  Għalkemm  il-maġġoranza tan-nies li jirċievu l-għajnuna mill-Bank tal-Ikel huma Maltin, hemm  numru konsiderevoli ta’ nies barranin minn  pajjiżi Ewropej, mill-Afrika, mill-Ewropa tal-Lvant u mil-Lvant Nofsani. Dawn jeħtieġu l-għajnuna sabiex isibu akkomodazzjoni b’kera raġonevoli u jsibu xogħol li mhux prekarju ħalli jintegraw aħjar fis-soċjetà.