Taħt is-sejħa għal proposti ‘Informazzjoni, Konsultazzjoni  u Parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti ta’ impriżi’, l-UE qed tipprovdi opportunitajiet ta’ fondi permezz tal-Programm tal-UE għax-Xogħol u l-Inklużjoni Soċjali (EaSI) immirat biex jiżviluppa l-involviment tal-ħaddiema fl-impriżi. Is-sejħa tirrifletti wieħed mill-prinċipji ewlenin tal-“Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali” li jgħid li “l-ħaddiema jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom id-dritt ikunu infurmati u kkonsultati f’waqtu dwar oqsma relevanti għalihom”. 

L-objettivi ta’ din  is-sejħa jiffokaw fuq il-miżuri ta’ finanzjar li jgħinu l-familjarizzazzjoni tal-liġi u l-policies tal-UE fil-qasam tal-involviment tal-ħaddiema fost l-atturi soċjali f’livell ta’ kumpanija. Il-budget totali għal din is-sejħa hi stmata għal €7,106,000 fejn l-għotja minima għandhiex tkun inqas minn €108,000 b’rata ta’ 90 fil-mija ta’ ko-finanzjar. 

It-tipi ta’ attivitajiet li jistgħu jkunu finanzjati taħt din is-sejħa jinkludu imma mhumiex limitati għal konferenzi, seminars, websites u manwali kif ukoll skambju ta’ informazzjoni u prattiċi tajbin li jinvolvu ir-rappreżentanti tal-ħaddiema u/jew tal-impjegati. L-applikanti taħt din is-sejħa għal proposti jeħtieġ li jkunu entitajiet legali li jirrappreżentaw ħaddiema jew min iħaddem li għandhom l-uffiċċju tagħhom reġistrat f’wieħed mill-istati membri tal-UE. 

Id-data tal-għeluq għas-sottomissjoni tal-proposti taħt din is-sejħa għal proposti hi l-1 ta’ Ġunju 2018. Aktar tagħrif jinsab fuq: 

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=629&langId=en&callId=532&furtherCalls=yes