“Hemm  bżonn li f’pajjiżna, bis-serjeta’ nagħtu kas l-arja li nieħdu n-nifs minnha u biex din l-arja tkun nadifa”. Kliem it-Tabib Martin Balzan,  konsulent dwar  il-Mediċina Respiratorja u l-Mediċina Ġenerali fl-Isptar Mater Dei f’intervista li saret minn Voice of the Workers fil-jiem li għaddew. 

It-Tabib Balzan fisser li studji li saru konsistentament fl-aħħar 20 sena dejjem urew li l-mard respiratorju f’Malta hu fost l-ogħla fl-Ewropa. Hu qal li meta nitkellmu dwar mard respiratorju qed nirreferu għall-ażma u l-hay fever. 

Hu stqarr li normalment fl-Ewropa, aktar ma tinżel ‘l isfel, inqas tkun il-prevalenza. F’Malta s-sitwazzjoni hi bil-kontra u l-istatistika turi li l-perċentwal tal-mard respiratorju hu ikbar minn dak ta’ pajjiżi fit-Tramuntana tal-Ewropa.  

Mistoqsi jfisser il-kawżi prinċipali tal-allerġiji u mard respiratorju, it-Tabib  Balzan qal li għalkemm m’hawnx ċertezza xjentifika, illum it-tort qed jingħata lit-trab fin u rqiq li ma tarahx u l-uniku darba li tarah hu meta wieħed jixgħel il-bright lamps tal-karozza. Dak il-ħin wieħed jara tikek żgħar fl-arja li jidħlu fil-pajp tan-nifs u jiffjammaw il-lining tal-pulmun. Dan it-trab fin jista’ jiffjamma direttament jew inkella jwassal għal allerġiji li l-aktar komuni huwa l-house dust mites. Dawn huma insetti żgħar ħafna li jinsabu fil-friex u li jieklu l-qxur tal-ġilda. In-nies jiġu allerġiċi għall-ippurgar tiegħu.  

Barra minn hekk hawn diversi pjanti bħax-xeħt ir-riħ u speċi mill-pjanta tal-ħurrieq  li huma allerġiċi. Il-qtates ukoll jistgħu jkunu kaġun ta’ allerġiji għal diversi persuni. 

It-Tabib Balzan fisser li din is-sena kienet bħas-snin l-oħrajn, jiġifieri l-prevalenza kienet għolja u għadha għolja. “Nista’ ngħid li mill-użu tal-isptar, is-sitwazzjoni la qed tonqos u lanqas qed tiżdied,” sostna l-konsulent. 

Kif nistgħu nipprevjenu dan il-mard? It-Tabib Balzan spjega li min-naħa tat-tniġġiż tal-arja, is-sors irid ikun attakkat u s-sors f’Malta, primarjament, huma l-karozzi b’makni diesel. Għalkemm, sfortunatament, il-karozzi petrol għandhom il-catalytic converter, dawn ukoll jipproduċu t-tniġġiż fl-arja fl-ewwel kwarta sakemm jisħnu. 

F’dak li hu l-individwu, jistgħu jsirulu numru ta’ testijiet tal-allerġiji fl-isptar, permezz ta’ testijiet tal-ġilda jew tad-demm, u jekk ikun allerġiku għal xi ħaġa, it-tobba jistgħu jagħtuh parir dwar x’għandu jagħmel. Dwar il-house dust mites, jingħata parir sabiex il-lożor jitbiddlu kemm jista’ jkun spiss u  jinħaslu jew jitgħallew fuq 60 grad Celcius. Dan  sabiex id-dud irqiq jinqatel. Anki t-tapiti u l-purtieri għandhom tendenza li jżommu l-ħmieġ tal-house dust mites 

Rigward il-pollens, it-Tabib Balzan qal li hu diffiċli biex wieħed jipproteġi ruħu minnhom u l-parir li jingħata,  għalkemm mhux prattiku, hu li l-persuna tqatta’ iżjed ħin ġewwa.  

Fuq nota ġenerali, it-Tabib Balzan ikkonkluda li  meta l-Gvern jiddeċiedi policies fuq l-arja  u fuq it-traffiku, għandu jagħmel mezz li l-arja nadifa tkun prijorita’.