Il-ħaddiema Għawdxin u kulmin ta’ spiss jaqsam il-fliegu qed juru t-tħassib tagħhom għall-qagħda prekarja li jinsab fih is-servizz ipprovdut mill-Gozo Channel. 

Fil-jiem li għaddew kien rapportat dewmien f’aktar minn okkażjoni waħda, fosthom f’każ fejn kien hemm theddida ta’ bomba fuq wieħed mill-vapuri. Ir-rabja u l-frustrazzjoni ma naqsux fost il-passiġġieri u s-sewwieqa li stennew għal ħafna ħin fuq il-moll taċ-Ċirkewwa jew fuq il-moll tal-Imġarr, Għawdex. 

Il-kjuwijiet, kemm fiċ-Ċirkewwa kif ukoll fl-Imġarr, kienu verament twal, b’mijiet ta’ karozzi jistennew il-mument biex jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer. 

Bla dubju ta’ xejn, Għawdex jiddependi għal kollox minn Malta u jekk l-effiċjenza fis-servizz ta’ trasport  bejn iż-żewġ gżejjer jonqos drastikament, il-gżira Għawdxija tispiċċa iżolata.  

U min qed ibati f’dan id-dewmien kollu? Mhux il-ħafna ħaddiema u studenti Għawdxin li ta’ kuljum iridu jaqsmu lejn Malta għax-xogħol jew għall-istudji tagħhom! Mhux il-pazjenti Għawdxin li jkollhom appuntamenti mediċi fl-Isptar Mater Dei! 

Dawn in-nies qed iġarrbu ħafna diffikultajiet għax mhux biss iridu jqumu kmieni biex jagħmlu l-vjaġġ tagħhom lejn Malta, imma qed jispiċċaw idumu biex jirritornaw lejn Għawdex.  

Barra minn hekk, minħabba l-waqfien tas-servizz tat-trasport tal-merkanżija minn Sa Maison, l-Għawdxin ukoll qed jagħmlu tajjeb minn buthom għall-ispejjeż  żejda li qed jeħlu biex il-merkanzija tasal Għawdex. Malli jaslu ċ-Ċirkewwa wara triq twila, dawn it-trakkijiet qed ikollhom jistennew sa kemm jasal vapur li ma jkollux l-ixkaffi biex jirkbu. Mill-banda l-oħra dawn qed jirrabjaw lin-nies bil-karozzi li jkunu qed jistennew fil-kju b’riżultat li jispiċċaw jitilfu vapur. Dan għax meta jasal vapur li jieħu t-trakkijiet, dawn tal-aħħar  jingħataw preferenza. Sikkina taqta minn żewġ naħat! 

Bid-decizjoni li jieqaf is-servizz minn Sa Maison, anke l-ambjent fit-toroq, li minnhom qed jgħaddu dawn it-trakkijiet, marret lura….biex ma ngħidux li qed ikunu l-kaġun ta’ aktar konġestjoni ta’ traffiku. 

Sadattant dan id-dewmien ukoll qed jolqot in-negozju u t-turiżmu f’Għawdex. Fil-fatt, il-Gozo Business Chamber saħqet, fi stqarrija, li dan id-dewmien qed ikun ta’ detriment għan-negozju f’Għawdex. Qalet ukoll li ż-żmien tal-konsultazzjoni spiċċa u jeħtieġ li jittieħdu azzjonijiet drastiċi.  

Anki l-Assoċjazzjoni għall-Impjegati Għawdxin f’Malta kkritikat id-dewmien esaġerat u qalet li l-vapuri qed jeqdiemu b’riżultat li qed joħolqu tensjoni fuq dawk li  jiddependu mill-Gozo Channel biex imantnu l-għixien tagħhom, sew jekk huma impjegati, self-employed jew negozji.  

Għalkemm l-attivita’ kummerċjali f’Għawdex tjiebet, l-istrutturi u l-operat preżenti mhumiex ilaħħqu mad-domanda li qed tiżdied tant li qed jagħmlu ħsara fuq is-sostenibbilta’ tal-progress.