L-illitteriżmu jżid id-dimensja
Studju ġdid sab li persuni li ma jafux jaqraw jew jiktbu huma kważi tliet darbiet aktar probabbli li jiżviluppaw id-dimensja. Dan l-istudju sar minn riċerkaturi f’Columbia University fi New York u kien pubblikat fit-13 ta’ Novembru 2019.
Il-karatteristiċi tad-dimensja jinkludu nuqqas kroniku jew persistenti fil-memorja, bidliet fil-personalità jew raġunar batut. Id-dimensja hi l-aktar komuni fl-anzjani.
Ir-riċerkaturi jgħidu li l-kapaċità fil-qari u l-kitba tippermetti lin-nies biex jinvolvu ruħhom f’aktar attivitajiet tal-moħħ bħal, il-qari tal-gazzetti, il-logħob bin-numri u l-għajnuna li tingħata lit-tfal u lin-neputijiet fil-homework. Dan l-istudju l-ġdid jipprovdi iżjed evidenza li l-qari u l-kitba jistgħu jkunu fatturi importanti biex il-moħħ jinżamm b’saħħtu.
Ir-riċerkaturi, fl-istudju tagħhom, ħarsu lejn ir-rati ta’ dimensja fost persuni b’livelli baxxi ta’ edukazzjoni. Kważi l-1,000 persuna li ġew intervistati kellhom l-età medja ta’ 77 sena u xi erba’ snin jew inqas ta’ skola. Fil-bidu tal-istudju, dawn l-anzjani kienu maqsumin f’żewġ gruppi: dawk li jafu jaqraw u dawk li ma jafux filwaqt li ngħataw testijiet mediċi u tal-memorja kif ukoll testijiet fil-ħsieb. Dawn it-testijiet kienu ripetuti kull 18-il xahar sa sentejn.
Ir-riżultati tal-esperiment urew li 35 fil-mija tal-237 parteċipant illitterat diġà kienu jbatu mid-dimensja fil-bidu tal-istudju, meta mqabblin mat-18 fil-mija biss ta’ parteċipanti li jafu jaqraw u jiktbu.
Skont evalwazzjonijiet li saru erba’ snin wara, fost dawk li ma kellhomx id-dimensja fil-bidu tal-istudju, ġie żvelat li 48 fil-mija ta’ parteċipanti illitterati żviluppaw id-dimensja, kontra 27 fil-mija ta’ parteċipanti li jafu jaqraw.
Dan l-istudju sab li l-litteriżmu kien marbut ma’ livelli għoljin ta’ testijiet fil-memorja u l-ħsieb u mhux biss mill-qari u l-kitba. Dawn ir-riżultati jissuġġerixxu li l-qari jista’ jsaħħaħ il-moħħ f’diversi modi li jistgħu jgħinu fil-prevenzjoni jew id-dewmien tad-dimensja.
Ir-rapport jissuġġerixxi li jekk isir investiment f’inizjattivi biex in-nies ikunu megħjuna fil-qari u l-kitba, dan iwassal biex jitnaqqsu r-rati tad-dimensja.