Graham Sansone -Executive Head (UPE)

 

 

L-għalliema jixirqilhom ir-rispett mhux jiġu mgħajra jew intimidati talli jikritikaw jew isemmgħu leħinhom għall-ġid tat-tfal.

Dan sostnih Graham Sansone, Executive Head tal-Union of Professional Educators (UPE) waqt konferenza organizzata minn UĦM Voice of the Workers biex jitfakkar Jum il-Ħaddiem fl-Istitut Kattoliku, il-Furjana nhar il-Ġimgħa 27 ta’ April 2018.

Hu fisser kif ftit tax-xhur ilu kien iffirmat ftehim li skontu “sallab lill-għalliema mill-iċken wieħed sal-aktar għalliem fl-ogħla grad”. Graham Sansone stqarr li dan kien ftehim li kien iffirmat minn wara dahar l-għalliema u li dawn ma kellhomx għażla jivvotaw bħal kulħadd.

L-Executive Head tal-UPE spjega li l-union hi bbażata fuq tliet prinċipji – il-Lealta’, il-Valuri u l-Professjonalita’. Il-UPE hi leali lejn il-membri li f’kull ħin u f’kull mument se jkunu qed isibu spalla fuq xhiex jistrieħu. Graham Sansone qal li l-UPE trid tinvolvi lill-membri tagħha għax il-union, fl-aħħar mill-aħħar, hi tagħhom.

Hu żied li l-UPE tħaddan il-valuri li huma mibnija fuq valuri nsara u tenna li l-UPE tikkonsulta mal-membri mhux tagħmel kollox minn wara daharhom.

Graham Sansone qal li “l-edukaturi u l-għalliema ilhom ħafna mċaħħda mid-drittijiet tagħhom, ilhom iż-żmien imċaħħdin milli jkunu elevati fil-professjoni tagħhom, ilhom imċaħħdin mill-konsultazzjoni u ilhom iż-żmien ma jaraw trasparenza”.

Fid-diskors tiegħu, l-Executive Head tal-UPE tkellem dwar il-professjonalita’ u fisser kif l-għalliema, fil-klassi, tilfu r-rispett mit-tfal tant li dawn ġieli refgħu idejhom fuqhom; intilef ukoll ir-rispett mill-ġenituri lejn l-għalliema fejn tal-aħħar mhux l-ewwel darba li ġew imsawta jew mgħajra fuq il-media soċjali.