L-Ewro Parlamentari u l-Kunsill jiftiehmu dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pagi
Ħaddiema li temporanjament jintbagħtu jaħdmu f’pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropea minn issa ‘l quddiem se jingħataw l-istess ħlas għall-istess xogħol fl-istess post. Dan taħt ftehim proviżorju li ntlaħaq bejn l-Ewro Parlamentari u l-Ministri Ewropej.
Regolamenti Ewropej ġodda sabiex jipproteġu aħjar lil ħaddiema li jaħdmu fi stat membru ieħor kienu maqbula informalment mill-Parlament Ewropew u minn negozjaturi tal-Kunsill. Ir-regolamenti riveduti jimmiraw sabiex jassiguraw protezzjoni aħjar għal ħaddiema mibgħuta f’pajjiżi barranin u kompetizzjoni ġusta għall-kumpaniji.
Taħt it-test maqbul, ir-regolamenti kollha dwar il-ħlasijiet tal-pajjiż li jilqa’ lill-ħaddiema, imwaqqfa bil-liġi jew ċertu ftehim kollettivi, japplikaw għall-ħaddiema li jaħdmu barra. In-negozjaturi tal-Parlament Ewropew assiguraw li ftehim kollettivi kbar, reġjonali rappreżentattivi jew settorjali wkoll jistgħu japplikaw.
Tisħiħ tal-kundizzjonijiet tal-ħaddiema
Spejjeż marbutin mal-ivjaġġar u akkomodazzjoni għandhom jitħallsu minn min iħaddem u ma jitnaqqsux mis-salarji tal-ħaddiema. Min iħaddem ukoll irid jassigura li l-kundizzjonijiet tal-akkomodazzjoni għal ħaddiema li jaħdmu barra pajjiżhom huma diċenti, u pari passu mar-regolamenti nazzjonali.
Iż-żmien li ħaddiem jaħdem barra pajjiżu
Iż-żmien stabbilit hu dak ta’ 12-il xahar, bil-possibbilta’ li jkun hemm estensjoni ta’ sitt xhur. Wara dan il-limitu ta’ żmien, il-ħaddiem xorta se jkun kapaċi jibqa’ fl-istat membru fejn ikun mibgħut, iżda l-liġijiet kollha tax-xogħol tal-pajjiż li jilqa’ lill-ħaddiema jibdew japplikaw.
It-trasport internazzjonali fuq l-art
L-elementi l-ġodda tad-direttiva riveduta se japplikaw lis-settur tat-trasport malli l-leġislazzjoni dwar is-setturi speċifiċi, inkluż il-Pakkett tal-Mobbilta’, tidħol fis-seħħ. Sadattant, il-verżjoni tal-1996 tad-direttiva tibqa’ applikabbli.
Meta japplikaw ir-regolamenti l-ġodda
L-istati membri se jkollhom sentejn żmien sabiex issir it-traspożizzjoni tar-regolamenti; iridu japplikaw ir-regolamenti l-ġodda sa tmiem il-perijodu.
Il-passi li jmiss
Il-ftehim proviżorju għad irid jiġi konfermat mir-rappreżentanti permanenti tal-istati membri tal-UE (COREPER) u addottat mill-Kumitat tal-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament Ewropew. Qabel ma tidħol fis-seħħ, id-direttiva fi stadju ta’ abbozz trid tkun approvata formalment mill-Parlament u mill-Kunsill.