Analisti dwar ir-relazzjonijiet internazzjonali qed josservaw mill-qrib dak li qed jiġri bejn l-Istati Uniti u l-Iran 

F’każ ta’ eskalazzjoni tat-tensjonijiet bejn iż-żewġ naħat, il-konsegwenzi tagħha se jkunu qed  jinħassu globalmentprimarjament fl-Ewropa. Dan għax l-Ewropa, ġeografikament, tinsab qrib il-Lvant Nofsani u ż-żewġ reġjuni jmissu mal-baħar Mediterran. 

Il-Prof. Stephen Calleya, id-Direttur tal-Akkademja Mediterranja għall-Istudji Diplomatiċi (MEDAC), stqarr f’intervista ma’ Voice of the Workers li l-konsegwenzi jistgħu jseħħu f’kull settur. Ikun hemm impatt negattiv fuq il-kummerċ, in-negozju u t-turiżmu – fuq kollox l-aktar impatt se jkun fis-settur ekonomiku.  

Hu qal li  f’każ li l-affarijiet jaggravaw  iżjed, wieħed ma jeskludix li l-Ewropa tintalab biex tipparteċipa fil-konflitt b’xi mod jew ieħor. Pajjiżi Ewropej jistgħu jiġu mitluba biex jipprovdu għajnuna  umanitarja. Il-Professur Calleya qal li meta nitkellmu dwar l-Ewropa ma nkunux qed infissru l-Unjoni Ewropea imma l-pajjiżi Ewropej li huma membri fin-NATO. 

Mistoqsi jirreaġixxi għal dak li qal il-President tal-Istati Uniti Donald Trump meta stqarr li “wasal  iż-żmien għall-Ewropa biex tinqata’ mid-deal nukleari mal-Iran”, il-Professur Calleya qal li d-deal nukleari li kien intlaħaq fl-2015 huwa kompletament irrelevanti. Dan għax iż-żminijiet inbidlu u kienu laħqu ttieħdu diversi deċiżjonijiet, kemm mill-Istati Uniti kif ukoll mill-Iran. Is-sitwazzjoni ġeo-strateġika evolviet b’tali mod li jekk wieħed irid jerġa’ jirreferi għal dak il-ftehim, il-protagonisti jridu jiltaqgħu biex jinnegozjaw il-ftehim mill-ġdid. Dan sabiex ikun assigurat li l-Iran ma  jakkwistax armi għall-qerda tal-massa; il-pakkett  negozjat irid ikun wieħed komprensiv u li jinkludi sorsi ta’ instabbiltà oħrajn, kemm jekk  hu terroriżmu jew il-proliferazzjoni tal-armi, u biex ikun hemm inċentivi ekonomiċi u dilplomatiċi. 

Il-Professur Calleya qal li jekk l-Iran jiddeċiedi li jaqbel fuq dan irid ikun hemm appoġġ ekonomiku lejn l-Iran mill-komunità internazzjonali, kif seħħ fid-deal preċedenti. L-importanti hu, kompla l-Professur Calleya, li b’riżultat ta’ kull ftehim l-Iran irid ikun aċċettat politikament fir-relazzjonijiet internazzjonali. 

Dan kollu ma jistax iseħħ mil-lejl għan-nhar. L-importanti hu li wieħed imur lil hinn minn kull perspettiva ta’ eskalazzjoni fil-konflitt. 

Il-Professur Calleya ma jaqbilx ma’ editorjal tat-Times of Malta li qal li l-President Trump poġġa lid-dinja fil-periklu. Hu qal li  kulħadd huwa intitolat biex jiddefendi l-interessi tiegħu u l-blamegame ma twasslek  imkien fir-relazzjonijiet internazzjonali. Dan għax dejjem se jkun hemm episodju ieħor fejn pajjiż iwaħħal f’pajjiż ieħor.  

Il-Professur Calleya kompla li l-blamegame u l-ġustifikazzjoni ta’ azzjoni mhuma se jsolvu xejn. Li jista’ jsir hu li l-Istati Uniti u l-Iran jaħdmu flimkien sabiex ibiddlu l-preżent u aktar minn hekk jaħdmu għal futur aħjar. 

Id-Direttur tal-MEDAC qal li tali referenzi għall-President Trump huma suġġettivi u jekk wieħed irid ikun oġġettiv għandu jkun hemm analiżi serja. Fir-relazzjonijiet internazzjonali  qatt mhu t-tort ta’ pajjiż wieħed, anzi għandna nkunu metikolużi fl-analiżi u nidentifikaw kif azzjoni seħħet kawża ta’ azzjoni oħra”, temm jgħid  il-Professur Calleya.