Minkejja l-fatt li  l-pajjiż għamel progressi kbar f’diversi oqsma tal-ħajja, eżempji ta’ inugwaljanza għadhom jippersistu f’pajjiżna. 

Waħda mill-inugwaljanzi hija d-diskrepanza bejn is-salarju li jirċievi r-raġel u s-salarju li tirċievi l-mara. Skont tagħrif provdut mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, din id-diskrepanza żdiedet iżjed fil-każ ta’ nisa b’livell ta’ edukazzjoni terzjarja. Fil-kuntest tas-suq tax-xogħol,  Malta wkoll għad għandha l-ikbar diskrepanza bejn ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa, u dan minkejja l-isforzi li qed isiru biex aktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol. 

Barra minn hekk, il-ħaddiema qed jaħdmu sigħat twal, uħud minn  impjieg għal ieħor biex ilaħħqu mal-ħajja sabiex imantnu l-istil tal-ħajja tagħhom u jwasslu xi forma ta’ normalità għall-għeżież tagħhom. Jista’ jkun li tali persuni qed iżidu fid-dħul tagħhom imma ċertament mhux qed jgħixu aħjar. 

Koppji żgħażagħ qed iħabbtu wiċċhom ma’ missjoni impossibbli biex jissellfu mill-bank ħalli jkunu jistgħu jixtru post diċenti biex jgħixu fih. Sfortunatament, dawk li huma esposti għas-suq tal-kera qed jaffaċċjaw żidiet fil-kirjiet tagħhom bir-riskju li jibqagħlhom inqas dħul mit-take-home-pay tagħhom. 

Hemm ukoll il-kwistjoni tal-pensjonijiet. Nirringrazzjaw ‘l Alla li  l-anzjani tagħna qed  jgħixu ħajja itwal imma xi wħud mhux qed ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar. Iż-żieda fil-pensjoni, li tant ftaħar biha l-Gvern fil-budget li għadda, qed tinxtorob biż-żieda fil-kirjiet, bl-għoli tal-ħajja u bl-ispejjeż tal-mediċini. 

Dan kollu qed iwassal għal żieda fl-inċidenza ta’ problemi ta’ saħħa mentali, pressjonijiet fuq il-ħajja tal-familja u tnawwir fil-ħarsien soċjali li jikkuntrasta tajjeb mas-surplus li tant itanbar bih dan il-Gvern. 

Għaldaqstant jeħtieġ li l-isforzi kollha jingħaqdu u jkunu ffokati fit-tfassil ta’ pjan ekonomiku għaż-żmien ta’ issa u għal żmien fit-tul – pjan li jinbena fuq il-ħarsien ta’ ħajjet iċ-ċittadin, l-aktar dak vulnerabbli, u mhux bil-ftaħir taċ-ċifri u l-perċentwali. Fl-aħħar mill-aħħar irridu naraw surplus fejn il-ħaddiem u l-familja tiegħu jgħixu ħajja diċenti għal-lum u għall-futur.