Huwa fatt magħruf li n-nisa mhumiex rappreżentati biżżejjed f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat. Fil-fatt, bħala medja, in-nisa jammontaw għal 23.3 fil-mija bħala membri f’bord ta’ kumpaniji kbar fl-UE. Agħar minn hekk, huma biss 7 fil-mija ta’  chairpersons ta’ bord, presidenti u kap eżekuttivi ta’ kumpaniji kbar fl-UE li huma nisa. Dan huwa inġust u hemm potenzjal li  mhux qed jintlaħaq. 

Skont l-aħħar riċerka,  kumpaniji b’rappreżentazzjoni għolja ta’ nisa f’pożizzjonijiet għoljin spiss jirreġistraw prestazzjoni aħjar fl-organizzazzjoni u f’dak finanzjarju. Barra minn hekk, 65  fil-mija ta’ gradwati mill-Università huma nisa, sinjal li aktar rappreżentazzjoni ugwali għandha tkun fis-seħħ f’karigi għoljin kemm f’entitajiet tal-Gvern u dawk privati. 

Għalhekk, ma tkunx sorpriża li waħda mill-prijoritajiet tal-Kummissjoni von der Leyen hi li jkun trattat dan in-nuqqas ta’ rappreżentazzjoni u tagħmilha ċara li  tkun ta’ prijorità fuq l-aġenda politika. Dan intwera fl-għażla ta’ rappreżentanti nisa f’livelli għoljin fil-Kummissjoni Ewropea. 

Fil-fatt, Ursola von  der  Leyen, l-ewwel president mara tal-Kummissjoni Ewropea, irnexxielha (kważi) tikseb il-parità  fil-ġeneru fil-kulleġġ tagħha tal-Kummissarji peress li 11 minn 26 Kummissarju huma  nisa. Għalhekk, hemm  stennija  kbira li  l-Kummissjoni preżenti tressaq miżuri konkreti favur il-bilanċ fil-ġeneru fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fuq  bordijiet  ta’ kumpaniji fix-xhur li ġejjin. Dan forsi jittraduċi ruħu f’rappreżentazzjoni aħjar tan-nisa f’pożizzjonijiet għoljin fis-snin  li  ġejjin.