Bħala  Ewropej, huwa importanti li nieħdu sehem b’mod attiv fid-diskussjonijiet li jgħinu biex isawwru l-UE. 

Fi ħdan dan il-kuntest, il-Programm Ewropa għaċ-Ċittadini 2014-2020 jimmira biex iċ-ċittadini Ewropej ikollhom rwol akbar fl-iżvilupp tal-Unjoni. Permezz tal-iffinanzjar ta’ skemi u attivitajiet li fihom iċ-ċittadini jkunu  jistgħu jipparteċipaw, dan il-programm jippromwovi l-istorja u l-valuri komuni tal-Ewropa, u jfittex li jrawwem ċertu sens ta’ assertivita’ ta’ kif l-Unjoni tiżviluppa. 

Il-programm huwa implimentat permezz ta’ żewġ sezzjonijiet. L-ewwel sezzjoni tiffinanzja attivitajiet Ewropej ta’ tifkira li jqajmu għarfien dwar l-istorja u l-valuri komuni tal-UE. It-tieni sezzjoni  tappoġġja l-kuntatt demokratik u s-sehem ċiviku. 

Waħda mill-miżuri appoġġjata mit-tieni sezzjoni hi dik dwar Proġetti tas-Soċjeta’ Ċivili. Taħt din il-miżura, il-proġetti jridu jlaqqgħu ċ-ċittadini minn perspettivi differenti, f’attivitajiet magħqudin direttament ma’ policies tal-Unjoni, bl-iskop li jingħataw opportunita biex jipparteċipaw b’mod attiv fil-proċess tal-Unjoni ta’ kif isiru l-policies f’oqsma relatati mal-objettivi tal-programm. Permezz ta’ tali proġett, il-parteċipanti jistgħu jirriflettu u jiddibattu fuq kwistjonijiet Ewropej, u jipproponu soluzzjonijiet prattiċi fuq livell Ewropew. Tali proġetti wkoll jassiguraw ħolqa konkreta mal-proċess ta’ kif  isiru l-policies. 

Barra minn hekk, Proġett tas-Soċjeta’ Ċivili irid jinkludi tal-inqas tnejn minn dawn it-tipi li ġejjin: (i) il-promozzjoni tal-kuntatt mas-soċjeta’ u s-solidarjeta’, (ii) il-ġabra tal-opinjonijiet, u (iii) il-volontarjat. 

Id-data li jmiss sabiex tapplika għal Proġett tas-Soċjeta’ Ċivili hi t-2 ta’ Settembru 2019 – f’tali każ il-proġetti magħżulin jistgħu jibdew bejn l-1 ta’ Marzu u l-31 ta’ Marzu 2020.