Il-prassi li d-drittijiet tal-bniedem ikunu marbutin mal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ qabdet ir-ritmu fost diversi msieħba kummerċjali. Mhux biss l-UE, imma anki potenzi kummerċjali importanti oħrajn, bħall-Istati Uniti u l-Kanada, idaħħlu provvedimenti dwar id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol fil-ftehim kummerċjali ġodda tagħhom. 

Għall-UE, dan inevitabbilment jirriżulta mill-viżjoni informattiva li toħroġ mill-policies esterni kollha tagħha, kif imnaqqxa fit-Trattati. Għaldaqstant, l-UE hi impenjata li tirrispetta u  tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija permezz tal-azzjoni esterna tagħha. 

Il-mekkaniżmu prinċipali biex id-drittijiet tal-bniedem ikunu inkorporati fil-ftehim bilaterali tal-UE jikkonsisti fi klawsola dwar  l-elementi essenzjali tad-drittijiet tal-bniedem li tippermetti lil parti waħda biex tieħu l-miżuri xierqa f’każ ta’ ksur serju mill-parti l-oħra. 

Il-klawsola, li wkoll tkopri l-prinċipji demokratiċi u xi kultant is-saltna  tad-dritt,  hi aktar milli biss mekkaniżmu legali li jippermetti sospensjoni unilaterali ta’ impenji  kummerċjali fi żminijiet ta’ kriżi. Din tinkorpora l-impenji tal-partijiet għad-drittijiet tal-bniedem u b’hekk tqiegħed ir-relazzjonijiet tal-UE ma’ pajjiżi terzi fuq bażi regolatorja b’saħħitha, u li twitti t-triq għad-djalogu u l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem. 

S’issa, l-UE ippreferiet b’mod ċar impenn kostruttiv għal miżuri iżjed restrittivi u għadha ma attivatx il-klawsola biex tissospendi preferenzi kummerċjali taħt xi wieħed mill-ftehim kummerċjali tagħha. Is-soċjeta’ Ċivili u l-Parlament Ewropew, fuq naħa waħda, inkoraġġixxew lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tuża l-klawsola b’mod aktar  robust sabiex tirrispondi għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u prinċipji demokratiċi.