Minkejja l-isforzi biex jinkoraġġixxu bidla għal trasport sostenibbli, il-konġestjoni tat-traffiku hi spiss iċ-ċentru ta’ dibattiti dwar il-mobbilta’. 

Id-domanda għall-karozzi żdiedet b’mod sinifikanti matul dawn l-aħħar ħames snin. Skont statistika provduta mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, kien hemm żieda ta’ tmienja fil-mija f’karozzi privati bejn l-ewwel tliet xhur tal-2016 u l-ewwel tliet xhur ta’ din  is-sena. F’dawn l-aħħar tliet snin ġew reġistrati madwar 40,000 vettura ġdida. Jirriżulta li sal-lum hawn xi 388,000 vettura fit-triq fuq dawn il-gżejjer. 

Iffaċċjati bil-baħar ta’ karozzi, gvern wara ieħor ilu jipprova jtejjeb il-mobbilta’  taċ-ċittadini. Kien hemm miżuri li ffokaw fuq  il-bini ta’ toroq ġodda u llum, il-Gvern tal-ġurnata qed jikkonċentra fuq it-twessigħ tat-toroq eżistenti u l-qtugħ tas-siġar – proġett li qed jintlaqa’ b’mod negattiv minn sezzjoni tal-popolazzjoni. Inizjattivi oħrajn ħajru lill-pubbliku sabiex jaqleb għal alternattivi oħrajn bħall-użu tat-trasport pubbliku, iċ-ċikliżmu, muturi li jaħdmu bl-elettriku, u l-mixi. 

Sabiex nindirizzaw l-isfida tal-konġestjoni tat-traffiku neħtieġu politika integrata fuq it-trasport u li tikkunsidra diversi fatturi.  Huwa ċar li l-iżvilupp ta’ alternattivi għas-sewqan li  jkunu attraenti, affordabbli, komdi u ta’ min jorbot fuqhom huma indispensabbli. Barra minn hekk,  reviżjonijiet jew riformi kostanti u aġġornament tal-policies huma wkoll meħtieġa, peress li l-effetti tagħhom jistgħu jiskadu biż-żmien. Għaldaqstant, pjan dinamiku huwa meħtieġ. 

Madankollu, il-konġestjoni tat-traffiku fl-eqqel tal-ġurnata kważi fl-arterji ewlenin se tibqa’  magħna. Fil-fatt, nażżarda biex ngħid li bi ħsiebha teħżien fis-snin li ġejjin jekk il-popolazzjoni tibqa’ tiżdied, l-aktar minħabba l-preżenza ta’ ħaddiema barranin. U dan minkejja policies maħluqa mill-Gvern jew mill-Privat biex jindirizzaw il-konġestjoni. 

Naħseb li teknoloġiji ġodda u soluzzjojijiet smart se jmexxu t-triq ‘il  quddiem, imma dawn iridu investiment sinifikanti li l-Gvern, ikun min ikun, irid jitħabat miegħu. 

Għalissa, l-uniku soljev għal dawk li jinqabdu fit-traffiku hi vettura komda bl-arja kundizzjonata, mgħammra bi stereo tajjeb, telefon hands-free u xi passiġġier biex jagħmel kumpannija!  

In-nies iridu jiċċaqilqu biex imorru għax-xogħol. Il-mistoqsija hi kif se jagħmlu dan u kemm se jitilfu ħin biex jaslu sad-destinazzjoni tagħhom.  

Il-konġestjoni saret parti mill-ħin ħieles ta’ kuljum ta’ min jivvjaġġa fit-triq, u dan il-fenemenu, sfortunatament mistenni jibqa’ hekk għas-snin li ġejjin.