Id-dinja qed tixjieħ. Ħafna pajjiżi qed jesperjenzaw tnaqqis fit-twelid tat-trabi u ċ-ċittadini tagħhom qed jixjieħuMal-anzjanita’ jiġu nuqqasijiet fil-mobbilta’, fir-riflessi, fil-kapaċitajiet tas-sensi kif ukoll dgħufija tal-ġisem partikularment fost dawk li jgħixu waħidhom. 

Allura, x’jeħtieġ li għandu jiġi verifikat fil-ħajja mill-aktar moderna tal-lum meta l-anzjani jispiċċaw jgħixu waħidhom? 

Elenkajt erba’ punti – is-saħħa mentali, is-saħħa fiżika, l-iżolament soċjali, in-nutrizzjoni u l-ambjent. Meta nitkellmu dwar is-saħħa mentali, inkunu qed  nirreferu għas-solitudni; meta l-anzjani  jinsew jieħdu l-mediċina, iħallsu l-kontijiet jew jattendu l-appuntamenti; id-dimenzja  u d-dipressjoni. Dwar is-saħħa fiżika, jiġuni f’moħħi n-nuqqas tal-vista, tas-smigħ, in-nuqqas fil-mobbilta’ u kif l-anzjani jħossuhom b’mod ġenerali. Nitkellmu wkoll dwar l-iżolament soċjali fejn naraw jekk il-persuna anzjana hix integrata fil-komunita’ jew jekk humiex isiru żjarat mill-qraba tagħha jew minn min jieħu ħsiebha. Għandu wkoll jiġi verifikat jekk il-persuna anzjana hux qed tiekol ta’ kuljum. Barra minn hekk, naħseb  ukoll li l-anzjani huma affettwati mill-ambjent ta’ madwarhom bħal bidliet fit-temperatura jew l-istorbju ġenerali. 

Fl-opinjoni tiegħi, dawn il-punti għandhom ikunu indirizzati ta’ spiss għax inkella l-ħajja tal-anzjani tista’ tkun  fil-periklu. Għalhekk, l-anzjani għandhom jingħataw soluzzjonijiet li jgħinuhom biex jassiguraw il-ħarsien personali tagħhom ta’ kuljum. Il-familji wkoll għandhom  ikunu ippreżentati b’għodod utli biex jassistu u jimmonitorjaw lill-qraba anzjani tagħhom li joqogħdu ‘l bogħod minnhom mingħajr ma  jinvadu l-privatezza tagħhom. U hawn fejn tidħol it-teknoloġija smart, partikularment sensors smart li l-potenzjal tagħhom għandu jiġi sfruttat iżjed. 

Nistgħu nsemmu sensors li jimmonitorjaw il-moviment tal-persuna anzjana sabiex wieħed ikun informat jekk l-individwu hux attiv. Jekk jinstab li f’perijodu ta’ żmien ma kienx hemm moviment, l-anzjan jiġi kuntattjat mill-qraba, minn min jieħu ħsiebhom jew, għaliex le, mill-Kunsill Lokali, u fil-pront jittieħdu l-miżuri ta’ emerġenza meħtieġa. Sensor li jitqiegħed fuq il-bieba tal-fridge, jista’ jgħin lil min jieħu ħsieb persuna anzjana jekk kielx jew le. Din  hi għodda utli għal dawk l-anzjani biddimenzja. 

It-teknoloġija smart tirrapreżenta opportunita’ kbira biex ittejjeb il-ħajja tal-anzjani, ittaffi id-dgħufija fiżika u mentali li jiġu bl-anzjanita’, u tassigura s-sigurta’ tagħhom filwaqt li tosserva  x-xewqa tagħhom għall-indipendenza. It-teknoloġija fil-ħarsien tal-anzjani, bl-applikazzjoni ta’ soluzzjonijiet smart, tista’ tgħin lill-anzjani biex jgħixu waħidhom fil-kumdita’ ta’ darhom sakemm huwa possibbli.