Fil-ġimgħat li għaddew qamet il-kwistjoni dwar rigali li l-eks Prim Ministru allegatament irċieva mingħand Yorgen Fenech, il-persuna suspettata bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. L-Uffiċċju tal-Prim Ministru ma ċaħadx li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat irċieva arloġġ prezzjuż tad-ditta Bvlgari li jiswa €20,000 u  tliet fliexken inbid b’valur ta’ €5,800 minn Yorgen Fenech fl-2014. Stqarrija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru kienet qalet li l-eks Prim Ministru “dejjem segwa l-kodiċi u r-regolamenti kollha relatati mar-rigali li rċieva”. Madankollu, kien ikun aħjar kieku l-eks Prim Ministru ta spjegazzjoni iżjed ċara ta’ dan  kollu.  

F’Kap 497 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika, f’artiklu relatat mal-Kodiċi tal-Etika jingħad li “ebda impjegat pubbliku jew membru tal-familja tiegħu ma għandu jaċċetta rigali jew benefiċċji jekk jista’ jitqies li b’hekk qed jidħol f’obbligu reali jew immaġinarju.….Rigal jista’ jiġi interpretat bħala lixka jew kumpens sempliċement mill-valur intrinsiku tiegħu u għalhekk rigali ta’ valur nominali biss jistgħu jiġu aċċettati”.  

Il-problema bil-kodiċi tal-etika hi li dan jiddelega r-responsabbiltà lill-Prim Ministru jekk għandux jieħu azzjoni kontra ministri li aċċettaw rigali uffiċjali. Il-Kodiċi tal-Etika mhux addattat speċjalment meta, appuntu, huwa l-Prim Ministru li jista’ jkun kompromess b’tali rigali.  

Fi stati Ewropej oħrajn, hemm linji gwida f’dak li għandu x’jaqsam mal-għoti jew l-aċċettazzjoni tar-rigali. Waħda mill-isfidi hi fejn wieħed għandu jaqta’ linja fil-qasam tar-rigali. Li taċċetta jew tagħti rigali huwa qasam li jpoġġi lil uffiċjali tal-Gvern f’dilemma dwar jekk ir-rigal jitqiesx bħala att  ta’ tixħim jew sempliċiment  rigal.  

Wieħed ma jridx ikun ġenju biex jintebaħ li l-membri  tal-Kabinett jaqilgħu rigali. Imma liema rigali jżommu għalihom? Jeħtieġ li dan il-famuż Kodiċi tal-Etika ministerjali jingħata iżjed saħħa u jkun trasparenti biżżejjed biex jiżvela r-rigali (u l-valur tagħhom) li jkunu rċevew il-membri tal-Gvern. F’dan il-kuntest, il-kontabbiltà trid tilgħab ir-rwol tagħha ħalli l-politiku ma jiġix assedjat b’allegazzjonijiet ta’ tixħim 

Intant Voice of the Workers tilqa’ l-aħbar li l-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni qed tinvestiga lil-eks Prim  Ministru Joseph Muscat fuq ir-rigali li allegatament irċieva mingħand Yorgen Fenech.