Ewropa li tipproteġi wkoll taqbeż għall-ġustizzja u l-valuri. Imkien mhu daqshekk importanti meta niġu għar-rispett tas-saltna tad-dritt. L-Unjoni Ewropea hija Komunità tal-Liġi. Din il-komunità hi  l-pedament ta’ dak kollu li ksibna u ta’ kollox li għad irridu nagħmlu. Din hija l-marka tal-Ewropa. U hija ċentrali għall-viżjoni tiegħi sabiex nara Unjoni tal-ugwaljanza, it-tolleranza u l-ġustizzja soċjali. 

M’għandu jkun hemm ebda  kompromess meta niġu biex niddefendu l-valuri prinċipali tagħna. It-theddidiet għas-saltna tad-dritt  jisfidaw il-bażi legali, politika u ekonomika ta’ kif taħdem l-Unjoni. L-assigurazzjoni fir-rispett lejn is-saltna tad-dritt hi responsabbiltà primarja ta’  kull stat membru. Madankollu, hekk kif ikkonfermat il-qorti tal-Ġustizzja dan l-aħħar għandna interess komuni fis-soluzzjoni tal-problemi. It-tisħiħ fis-saltna tad-dritt hi responsabbiltà li tinqasam bejn l-istituzzjonijiet Ewropej kollha u l-istati membri kollha. 

Se nassigura li nużaw l-għodda kollha fil-livell Ewropew. U jien nappoġġja Mekkaniżmu Ewropew tas-Saltna  tad-Dritt li huwa addizzjonali u komprensiv, bi skop wiesa’ u b’rappurtaġġ annwali li jkun objettiv mill-Kummissjoni Ewropea. Il-mod kif isir il-monitoraġġ se jkun l-istess f’kull stat membru. Il-monitoraġġ tal-Kummissjoni se jsir bi djalogu mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali abbażi tal-liġi, partikularment bl-aħħar każijiet kif imressqa mill-Qorti tal-Ġustizzja indipendenti tagħna. Se nassigura wkoll rwol ikbar għall-Parlament Ewropew f’dan  il-mekkaniżmu tas-saltna tad-dritt. 

It-triq ‘il quddiem iġġib it-trasparenza, tippermetti is-sejbien bikri u toffri appoġġ addattat biex issolvi kull kwistjoni fi stadju bikri. L-objettiv tagħna hu biex tinstab soluzzjoni li tħares is-saltna tad-dritt, b’koperazzjoni u appoġġ konġunt, imma mingħajr ma nwarrbu rispons effettiv u bilanċjat bħala l-aħħar rimedju. Bi ħsiebni niffoka fuq aktar infurzar, billi nuża deċiżjonijiet riċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li juru l-impatt tal-ksur fis-saltna tad-dritt fuq il-liġi Ewropea bħala bażi. Jiena nżomm mal-proposta li nagħmel is-saltna tad-dritt parti integrali tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali.  Dan hu dwar it-tisħiħ tal-fiduċja u l-kunfidenza bejnietna, li hija tajba kemm għas-suq intern tagħna kif ukoll għall-għaqda interna tagħna. Il-Kummissjoni se tkun dejjem gwardjana indipendenti tat-Trattati. Is-Sinjura Ġustizzja hija għamja – se tiddefendi s-saltna tad-dritt fejn tkun attakkati u minn min tkun attakkata.