Hawn min jagħmel xi resoluzzjonijiet għal sena ġdida. Min biex jagħmel dieta u  min biex forsi jikkontrolla lsienu! Xi tgħidu, imma, kieku nagħmlu resoluzzjonjiet biex intejbu l-ambjent ta’ madwarna? Idea minnhom tista’ tkun biex insemmgħu leħinna kontra l-bidla fil-klima. Qatt mhu tard  biex  nieħdu azzjoni.  

Tkun idea tajba biex din is-sena nieqfu ftit u nivjaġġaw b’iżjed responsabbiltà. Sew jekk nimxu jew naqdfu bir-rota, hi waħda mill-aktar modi ħfief biex innaqqsu t-tniġġis. B’dan il-mod  inkunu qed nagħtu spinta lil saħħitna. 

Barra minn hekk li wieħed ikun iżjed konxju dwar dak li jixtri (u dak li ma jixtrix) jgħin ħafna lill-pjaneta tagħna.  Fortunatament, huwa aktar faċli minn qatt qabel li nixtru prodotti li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. Dejjem jgħin biex nistaqsu lilna nfusna jekk verament għandniex bżonn oġġett qabel ma nixtruh. Għalhekk għandna niffokaw l-attenzjoni tagħna fuq ix-xiri sostenibbli. 

Resoluzzjoni li nistgħu nagħmlu hi li nnaqqsu mill-ħela fl-ikel. Kont taf li kważi terz mill-ikel kollu maħdum kull sena jispiċċa mitluf jew moħli? Nistgħu ngħinu nnaqqsu din iċ-ċifra billi, kemm hu possibbli, naħlu inqas mill-ikel li nikkonsmaw. M’għandniex niddejqu nieklu dak li jkun baqagħlna mill-ikla tal-ġurnata ta’ qabel, inkunu kreattivi billi nżidu ingredjenti żejda u nistgħu nibdew munzell ta’ kompost fil-bitħa jew fil-ġnien bit-tilqit li jkun baqa’.  

Filwaqt li qed inkunu iżjed imqabbdin mat-teknoloġija, l-att sempliċi biex niftakru nitfu d-dwal, il-kompjuters, il-laptops u l-iskrins meta ma jkollokx bżonnhom jista’ jgħin biex niffrankaw ammont  kbir ta’ enerġija għal żmien fit-tul. Din l-użanza għandna nżommuha u malajr niżviluppaw drawwa li tkun ukoll tajba għad-dinja li ngħixu fiha. 

Jekk għadek ma rrealizzajtx, din hija s-sena fejn nistgħu nsemmgħu leħinna lill-moviment dejjem jikber għal azzjoni dinjija dwar il-klima. Dan ma jfissirx li bilfors irridu noħorġu nipprotestaw fit-toroq; għandna nagħmlu iżjed pressjoni fuq il-politiċi tagħna sabiex jaġixxu fuq il-bidla fil-klima. Barra minn hekk għandna nibqgħu informati u nitkellmu mal-ħbieb, mal-kollegi u mal-ġirien tagħna dwar x’nistgħu nagħmlu biex ngħinu din il-pjaneta. M’għandniex inmaqdru l-qawwa li nitkellmu. 

Hemm ukoll raġuni għaliex niġu mfakkra l-ħin kollu dwar l-importanza tar-riċiklar. Il-konsegwenzi devastanti tat-tniġġis mill-plastik qed ikunu dejjem iżjed ovvji, speċjalment fl-ibħra tagħna 

Din is-sena, nistgħu nagħmlu sforz biex noħorġu mid-dar u nesploraw l-aktar  zoni u veduti sbieħ tal-gżejjer Maltin. Jista’ ma jkollux impatt dirett fuq azzjoni dwar il-klima, imma huwa mod qawwi kif tabilħaqq napprezzaw u nħarsu l-ambjent ta’ madwarna.