Nikkontrollaw id-diskors ta’ mibegħda
Kull min jagħmel użu mill-media soċjali żgur li ntebaħ bil-fenomenu ta’ diskors ta’ mibegħda fil-konfront ta’ ċertu gruppi ta’ nies, partikularment, l-immigranti u l-pulizija. Xi persuni li wasslu l-mibegħda tagħhom kontra dawn in-nies fuq Facebook inqabdu, ittellgħu l-Qorti u qed ipattuha qares għal għemilhom.
X’għandu jsiru biex id-diskors ta’ mibegħda jkun kontrollat? Il-pubbliku, speċjalment dak li hu midħla tal-media soċjali, irid jistabbilixxi x’jikkostitwixxi diskors ta’ mibegħda sabiex jinstabu modi effettivi ta’ kif wieħed jikkontrollah. Dan hu possibbli billi tinħoloq kuxjenza u billi l-poplu jkun edukat dwar il-kawża u l-effett ta’ diskors bħal dan. L-edukazzjoni hi għodda b’saħħitha sabiex it-tolleranza tiżdied u biex il-preġudizzju jkun ikkontrollat.
Id-diskors ta’ mibegħda hu l-kategorizzazzjoni estrem ta’ individwu jew grupp ta’ individwi mmirata biex dawn in-nies ikunu mgħajjra. Is-soċjeta’ tagħna trid toqgħod attenta biex il-preġudizzju u l-intolleranza ma jkunux l-ordni tal-ġurnata. Ma ninsewx li l-kliem huma għodda b’saħħitha u filwaqt li individwu ma jirreaġixxix għal diskors ta’ mibegħda jew għall-vjolenza, ħaddieħor jista’ jagħmel l-oppost ta’ dan.
Sabiex l-intolleranza tkun aċċettata, irid ikun hemm biss l-indifferenza tal-poplu ġenerali. M’għandniex inneħħu minn quddiem għajnejna li l-għan aħħari tagħna hi dinja fejn il-komunitajiet ikunu tolleranti lejn xulxin. Irridu noħolqu inizjattivi jew insibu miżuri effettivi biex nipproteġu persuni vulnerabbli, gruppi ta’ nies u individwi kontra diskors ta’ mibegħda u l-ħajra għall-vjolenza. Id-diskors ta’ mibegħda hu biss sintomu jew manifestazzjoni ta’ intolleranza u mħuħ magħluqa fis-soċjeta’.
Għaldaqstant, il-miżuri legali biss, bħar-restrizzjonijiet għal-liberta’ tal-espressjoni, mhumiex biżżejjed. Sabiex il-kwistjoni tkun indirizzata b’mod sħiħ, il-poplu għandu jkun edukat, nibdlu l-mod kif naħsbu u nwessgħu l-perspettivi tagħna, billi nsaħħu d-djalogu kif ukoll l-edukazzjoni dwar it-tolleranza u d-diversita’.
Ir-reazzjoni għad-diskors ta’ mibegħda għandha tkun qafas legali komprensiv, li jkopri leġislazzjoni b’saħħitha kontra d-diskriminazzjoni, kif ukoll aktar rispett lejn xulxin. Il-liberta’ tal-espressjoni tista’ fil-fatt tkun l-aħjar mod biex jintlaħqu l-individwi fis-soċjeta’ u biex il-perċezzjoni tagħhom dwar dawk ta’ madwarhom tinbidel drastikament.