Studju li sar  dan l-aħħar sab li adoloxxenti u żgħażagħ imrobbija f’ambjent reliġjuż jew spiritwali jistgħu jkunu inqas suxxettibbli biex jabbużaw mid-droga jew jaqgħu f’depressjoni. 
Riċerkaturi li ħadmu fuq l-istudju u li ġie pubblikat fl-American Journal of Epidemiology jsostnu li żgħażagħ li jipparteċipaw f’servizzi reliġjużi kull ġimgħa jew jitolbu/jimmeditaw kuljum jistgħu jgawdu minn firxa wiesgħa ta’ riżultati pożittivi. 
Ir-riżultati tal-istudju huma pari passu ma’ sejbiet ta’ studju pubblikat ix-xahar li għadda, li sab li ż-żgħażagħ kellhom riskju inqas li jikkommettu suwiċidju jekk ir-reliġjon jew l-ispiritwalita’ kienet importanti għall-ġenituri tagħhom. 
Ir-riċerkaturi sabu li meta mqabblin ma’ oħrajn, żgħażagħ li attendew servizzi reliġjużi regolarment kienu, 12 fil-mija inqas probabbli li jaqgħu f’depressjoni, 33 fil-mija inqas probabbli  li jabbużaw mid-droga, 18 fil-mija aktar probabbli li jkunu kuntenti u 87 fil-mija aktar probabbli li jaħfru. 
Żgħażagħ li jitolbu spiss kienu 40 fil-mija inqas probabbli li jkollhom marda trasmessa sesswalment, 39 fil-mija aktar probabbli li jagħmlu xogħol ta’ volontarjat fil-komunita’ u 47 fil-mija aktar probabbli li jkollhom sens ta’ missjoni u skop fil-ħajja. 
Persuni li jkollhom trobbija tajba jew jinvolvu ruħhom fil-komunita’ jgawdu minn effetti ta’ benefiċċju fuq is-saħħa u l-ħarsien tagħhom. Parti mill-ispjegazzjoni għas-sejbiet tal-istudju tista’ tkun li r-reliġjon tista’ timla’ l-vojt li żgħażagħ oħrajn ifittxu li jissodisfaw permezz ta’ vizzji koroh. 
Gail Saltz, Professur tal-Psikjatrija fl-Isptar Presbiterju ta’ New York tisħaq, fost oħrajn, li r-reliġjon tipprovdi komunità ta’ persuni li jaħsbuha l-istess u dan hu ta’ valur kemm għall-ġenituri kif ukoll għall-ulied. 
Dan ma jfissirx li l-ġenituri għandhom f’daqqa waħda jinkoraġġixxu  lil uliedhom biex jattendu attivitajiet reliġjużi jekk huma stess ma kinux jagħmlu dan. L-istrateġija tista’ tirriżulta fit-tfal jirribellaw. Fil-fatt Saltx twissi lill-ġenituri kontra li jibgħatu lil uliedhom għal funzjonijiet reliġjużi li huma stess kienu jevitaw.