Regoli ġodda tal-UE biex jipproteġu ċittadini Ewropej kontra frodi ta’ ħlas  mhux fi flus kontanti, bħal serq tal-karta ta’ kreditu u emails li  jingannaw, kienu approvati fi stadju ta’ kumitat fit-3 ta’ Settembru 2018. 
Il-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili approva pjani biex jiġġieled il-frodi ta’ ħlas mhux fi  flus kontanti bħal cards, kartieri elettroniċi, ħlasijiet  permezz tal-mobile u kambji virtwali. 
L-Ewro Parlamentari jisħqu li nuqqasijiet u differenzi fost il-liġijiet ta’ pajjiżi Ewropej jistgħu jostakolaw il-prevenzjoni, is-sejbien u l-piena ta’ dawn ir-reati. 
Ir-regoli l-ġodda jistgħu: 
Jistabbilixxu ħames, erba’ jew tliet snin priġunerija, skont l-offiża, bħala l-piena minima f’każi fejn l-imħallef jimponi sentenza nazzjonali massima tal-kustodja għal frodi ta’ ħlas mhux fi flus kontanti; 
Jinkludu transazzjonijiet ta’ kambju virtwali fl-iskop ta’ offiżi; 
Itejbu l-koperazzjoni mal-pajjiżi Ewropej sabiex ikun assigurat li l-frodi bejn il-pajjiżi jkunu trattati aħjar; 
Isaħħu l-għajnuna lil vittmi ta’ frodi, bħal appoġġ psikoloġiku, pariri dwar kwistjonijiet finanzjarji, prattiċi u legali kif  ukoll għajnuna legali b’xejn tal-inqas għal dawk li m’għandhomx riżorsi suffiċjenti għaliha; u 
Itejbu l-prevenzjoni u l-għarfien, permezz ta’ kampanji edukattivi u għodod permanenti ta’ informazzjoni fuq l-internet b’eżempji prattiċi ta’ każijiet  ta’ frodi. 
Ħlasijiet mhux fi flus kontanti qed jiżdiedu fl-era diġitali. Dan wassal biex frodi ta’ ħlas mhux fi flus kontanti, bħal serq ta’ karti ta’ kreditu jew frodi bl-użu ta’ teknoloġiji iżjed ġodda, ikunu sors importanti ta’ dħul għall-kriminalita’ organizzata.