Il-Coronavirus ilu magħna….imma fil-moħħ tagħna. Dan il-virus tant qajjem sensazzjoni mad-dinja kollha (anki f’Malta), sforz il-media, li neffaħnih iżżejjed. 

Bħalissa hemm linja sottili ħafna bejn l-isteriżmu, jew l-inkwiet esaġerat, u x-xjenza. Hemm ukoll linja sottili ħafna bejn ix-xjenza kif rappurtata fuq Facebook u x-xjenza attwali tal-awtoritajiet. Fix-xena internazzjonjali qed isir impenn qawwi, organizzat u koordinat, sabiex jinħoloq il-vaċċin u l-kura kontra dan il-virus. 

In-nies qed jinkwetaw iżżejjed. Hawn min jistaqsi jekk hix marda qerrieda, jekk wieħed għandux jilbes il-maskra  jew jekk għandux joħorġu jew le. Issib min hu mħasseb li mhu qed isir xejn f’Malta biex niġġildulu dan il-virus. 

It-tobba u speċjalisti oħrajn tas-saħħa qed ikunu bbumbardjati b’ħafna  mistoqsijiet. Dan  juri li n-nies  huma interessati biex ikunu jafu aktar dwar il-Coronavirus. L-edukazzjoni tan-nies qatt ma tista’ tkun ftit u allura l-ħidma dwar l-għarfien trid tibqa’ għaddejja. Il-psikjatra Mark Xuereb, meta kien intervistat fuq programm televiżiv dan l-aħħar, stqarr li jekk inkunu stressjati esaġeratament is-sistema immunitarja tagħna mhux se tilqa’ għal din il-kwistjoni.” 

Jeħtieġ nużaw is-sens komun. Ejja nimxu skont ix-xjenza u mhux bix-‘xjenza’ ta’ dak li jinkiteb fuq il-media soċjali jew bl-esaġerazzjonijiet. Naturalment ilkoll irridu nimxu bil-galbu u nieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa kollha. Wieħed jistaqsi: din li nimlew bl-addoċċ it-trolleys fis-supermarkets b’ħafna ikel u provvisti oħrajn, kif ukoll nixtru maskri u sanitisers bil-goff, jgħin jew le fil-kwistjoni kollha? Naħseb li dan kollu assolutament ma jgħinx. 

Importanti li lkoll kemm aħna nippreparaw psikoloġikament għax wara kollox il-Coronavirus hija kriżi. Imma din il-kriżi tista’ tkun opportunità – li nieħdu deċiżjonijiet kostruttivi li ma jxekklux ħalli jekk il-virus jidħol f’Malta nkunu lesti fiżikament, strutturalment  u psikoloġikament.  

L-inkwiet u l-istress żejjed jafu jġibu konsegwenzi agħar mill-virus innifsu u allura tajjeb li wieħed jeduka lilu nnifsu u jaġixxi skont il-pariri li jingħataw mill-awtoritajiet tas-Saħħa. Fuq kollox ejja noqogħdu attenti, nilqgħu għall-kriżi u ma nesaġerawx.