Il-ħidma ta’ reklutaġġ li tnediet minn Frontex, l-aġenzija tal-UE dwar il-fruntieri, biex ikunu ngaġġati 700 persuna bħala gwardjani, attirat numru kbir ta’ applikanti minn stati fin-nofsinhar u fiċ-ċentru tal-Ewropa. 

Xi 7,500 applikant kienu applikaw għal 700 post, ħidma li hija parti minn tentattiv ferm ikbar biex jinħoloq korp ta’ 10,000 gwardjan, taħt it-tmexxija tal-aġenzija, għad-diversi snin li ġejjin. 

“Għall-ewwel darba, u din hi wkoll aħbar ġdida, u qed nagħmlu wkoll preparamenti għal dan, għall-ewwel darba, l-istaff ta’ Frontex se jilbsu uniformijiet tal-Unjoni Ewropea, mhux biex jirrappreżentaw lil pajjiżhom, imma biex jirrappreżentaw l-Unjoni Ewropea sħiħa”, qal Fabrice Leggeri, il-kap tal-aġenzija bbażata f’Varsavja lill-ġurnalisti dan l-aħħar. 

Ħafna applikanti jidhru li huma persuni li rtiraw mis-servizz militari, li possibbilment qed ifittxu t-tieni karriera kompluta b’salarji u perkaċċi ġenerużi Ewropej. 

Leggeri qal li l-aġenzija espandiet  l-iskop ta’ min bi ħsiebu jkun  applikant sabiex ma tnaqqasx mill-aġenziji nazzjonali  eżistenti ta’ gwardjani mal-fruntieri. 

Malli jkunu reklutati, is-700 persuna xorta jridu joqogħdu għal eżerċizzju ta’ taħriġ qabel ma jintbagħtu fuq missjonijiet mal-fruntieri esterni tal-UE is-sena d-dieħla. 

Għalkemm ħafna jidhru li ġejjin, minn kif Leggeri ddeskriva bħala stati “ġodda” fin-nofsinhar  tal-UE, hu wkoll innota li wħud kienu applikaw minn pajjiżi Nordiċi fl-UE. 

Ir-rekluti l-ġodda se jaqgħu taħt dik li hi magħrufa bħala ‘Kategorija Wieħed’, li tfisser li huma staff uffiċjali tal-UE. Rekluti ta’ Kategorija Tnejn huma uffiċjali  minn  stati membri li jkunu sekondati għal pożizzjoni ta’ sentejn jew erba’ snin. Kategorija Tlieta hi  riservata għal ħidma ta’ erba’ xhur mibgħuta minn forzi  nazzjonali f’każ ta’ kriżi, qal Leggeri. 

“Sa ċertu punt hemm xejra prevalenti li l-applikanti jiġu minn stati membri ġodda jew  minn xi stati membri fin-nofsinhar jew stati membri fejn is-salarji, ma rridx ngħid li  huma baxxi imma li mhumiex għoljin daqs stati membri oħrajn”, hu qal. 

L-aġenzija espandiet b’qabżiet kbar f’dawn l-aħħar snin b’budgets ikbar, iktar staff, u iżjed poteri biex ifornu l-apparat tagħhom għal ħidma bħal sorveljanza mill-ajru.  

Fl-2019, il-budget tagħha kien ta’ €330 miljun. Il-Kummissjoni Ewropea trid li dan  jiżdied għal €420.6 miljun għal din is-sena, żieda ta’ 34.6 fil-mija. 

Bħalissa l-aġenzija għandha madwar 750 jaħdmu għaliha, imma Leggeri qal li l-flus huma meħtieġa biex jitħallsu l-ħaddiema l-ġodda.  

Esperti  politiċi u leġislaturi fl-istituzzjonijiet Ewropej, fil-bidu tal-2019, laħqu ftehim biex isaħħu l-mandat tal-aġenzija fid-dawl ta’ ħidma iżjed wiesgħa biex  il-fruntieri esterni tal-UE ikunu kontrollati. 

Dak il-ftehim jinkludi l-ħolqien ta’ korp ta’ 10,000 gwardjan sal-2027 li żviluppa f’aġenzija li primarjament rat lilha  nnifisha tesegwixxi xogħol ta’ infurzar  tal-liġi.