F’dawn l-aħħar snin, it-tħassib li prodotti tad-ditta jistgħu jkunu inferjuri fl-istati membri li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea mill-2004, sar ħafna iżjed ċar. Dan it-tħassib sar magħruf bħala ‘il-kwalità doppja tal-prodotti’. 

Sabiex tindirizza l-kwistjoni, bejn l-2018 u l-2019, is-Servizz tar-Riċerka Konġunta tal-Kummissjoni Ewropea (JRC) qabblet sett ta’ prodotti tal-ikel ta’ ċertu ditta li jinbiegħu taħt l-istess isem u fl-istess jew f’pakkeġġjar simili madwar l-istati membri – l-ewwel darba li metodoloġija armonizzata dwar l-ittestjar kienet użata biex tqabbel prodotti mill-Unjoni Ewropea kollha. 

L-analiżi fittxet li tiddetermina jekk, minkejja l-pakkeġġjar identiku jew simili, hemmx differenzi fil-kompożizzjoni tal-prodott u, jekk hu hekk, jekk dawn id-differenzi jikkorrespondux ma’ xi  qafas ġeografiku. Ir-riżultati juru li kważi terz tal-prodotti tal-ikel tad-ditta analizzati kellhom kompożizzjoni li kienet differenti minn stat membru għal ieħor. Madankollu, ir-riżultati ma ppuntawx  lejn qafas ġeografiku ieħor li seta’ jispjega dawk id-differenzi. 

Fl-2017, il-Kummissjoni kienet diġà fittxet biex tiċċara l-leġislazzjoni rilevanti b’notifika li tintroduċi test li l-awtoritajiet nazzjonali dwar il-protezzjoni tal-konsumatur jistgħu jużaw biex jiddeterminaw każ b’każ jekk il-kwalità doppja tal-prodotti tal-ikel kinitx qed tqarraq. Aktar tard, f’April tal-2018, fil-qafas tal-‘ftehim ġdid għall-konsumaturi’, il-proposti tagħha għal direttiva ġdida dwar il-modernizzazzjoni ta’ regolamenti tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fittxew li jinkludu l-kwalità doppja ta’ prodotti (mhux biss ta’ prodotti tal-ikel) fid-Direttiva ta’ Prattiċi Kummerċjali Inġusti. 

Il-Parlament Ewropew ilu jsemma t-tħassib tiegħu dwar il-kwalità doppja u kien sejjaħ biex din tiżdied mal-blacklist ta’ prattiċi li għandhom dejjem jiġu kunsidrati bħala projbiti. Madankollu, it-test tad-direttiva l-ġdida dwar il-modernizzazzjoni ta’ regolamenti fil-ħarsien tal-konsumatur, kif addottatmill-ko-leġislaturi, ma nkludewx il-kwalità doppja bħala prattika li tista’ tiġi kunsidrata inġusta fil-każijiet kollha, anzi bħala waħda li tista’ tiġi ppruvata li tqarraq abbażi ta’ każ b’każ. L-Organizzazzjoni Ewropea tal-Konsumatur (BEUC) ikkritikat dan, filwaqt li organizzazzjonijiet tan-negozju jiddefendu d-dritt ta’ kumpaniji biex jagħmlu differenza bejn prodott u ieħor fi swieq differenti.