L-2020 għall-MEUSAC
Fl-2020 il-MEUSAC kienet impenjata li tkompli tgħin liċ-ċittadini u lill-organizzazzjonijiet f’pajjiżna biex jieħdu l-aħjar mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Minkejja li ma kinitx sena faċli, ħassejna aktar il-bżonn li nikkomunikaw kif l-Unjoni Ewropea kienet qiegħda tirreaġixxi għall-isfidi l-kbar tal-pandemija. Permezz ta’ attivitajiet fuq l-internet u l-midja soċjali komplejna nwasslu lin-nies kif l-Unjoni Ewropea qiegħda tħares ’il quddiem fil-pjanijiet tagħha dwar suġġetti importanti bħall-klima, is-saħħa, id-dinja diġitali, ix-xogħol u l-immigrazzjoni.
Il-qofol tas-sena ntlaħaq matul ġimgħa ta’ attivitajiet f’Novembru, li permezz tagħha wassalna aspetti differenti tal-Unjoni Ewropea lil diversi kategoriji ta’ nies b’interessi differenti. Din is-sena nidejna wkoll pubblikazzjoni għat-tfal ta’ 11 u 12-il sena dwar l-Unjoni Ewropea bi storja ta’ Trevor Żahra.
Matul is-sena kompliet ukoll il-ħidma tagħna fejn jidħlu l-fondi Ewropej billi assistejna diversi entitajiet, fosthom għaqdiet volontarji, entitajiet governattivi u kunsilli lokali biex ngħinuhom jiżviluppaw ideat ta’ proġetti innovattivi u jiktbu l-applikazzjoni neċessarja.
B’sodisfazzjon għalina u għal kull min juża s-servizzi tagħna, f’Settembru il-MEUSAC ġiet onorata bil-Premju ta’ Kwalità għas-Servizz Pubbliku.
Matul is-sena, kull min hu interessat jista’ jsegwi dak li tkun qiegħda tagħmel il-MEUSAC u l-aħħar aħbarijiet mill-Unjoni Ewropea permezz tal-websajt (www.meusac.gov.mt) u kif ukoll il-paġna Facebook tal-aġenzija. Tista’ tikkuntattjana billi ċċempel 2200 3300 jew bl-email fuq info.meusac@gov.mt.