Ix-xena ta’ ftit jiem ilu f’Tas-Sliema ta’ scooter Vespa involut f’inċident tat-traffiku fatali ieħor hi kemm traġika kif ukoll allarmanti. Minn naħa hi xhieda tal-kriżi tat-traffiku li qed taħkem lil din il-gżira u fl-istess ħin daqqa ta’ ħarta oħra għal kull prospett ta’ bidla fil-mezzi tat-trasport li nużaw. Kull min qed jikkunsidra biex jaqleb għal xi forma ta’ vettura b’żewġ roti se jkun qed jagħmel dan b’sogru għalih.

Sigħat qabel dan l-inċident fatali, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qal li bejn Lulju u Settembru ta’ din is-sena tilfu ħajjithom xejn inqas minn sitt persuni fit-toroq Maltin. Il-fatt li ħamsa mis-sitt vittmi ma kienux qed isuqu juri li l-problema mhix biss limitata għas-sewwieqa iżda hi aktar mifruxa. Barra minn hekk, in-numru ta’ mwiet huwa tliet darbiet ogħla mill-istess perjodu tal-2021. L-istatistika tikkonferma wkoll li l-aktar f’riskju huma dawk li jivvjaġġaw bil-muturi u r-roti. Filwaqt li huwa fatt magħruf li tali tip ta’ vetturi joffru inqas protezzjoni lis-sewwieq, dan m’għandux jiġġustifika n-nuqqasijiet eżistenti tan-netwerk tat-toroq ta’ Malta fir-rigward ta’ vetturi b’żewġ roti. Il-Ministru tat-Trasport Aaron Farrugia li dan l-aħħar ingħaqad ma’ grupp ta’ ċiklisti biex ikun jaf aktar mill-qrib is-sitwazzjoni fit-toroq jista’ jixhed hu stess fuq dan kollu peress li f’mumenti minnhom kien espost għal ċertu periklu.

Għalkemm minn żmien għal żmien jissemmew diversi proġetti fosthom €35 miljun għal infrastruttura xierqa għall-karreġġjata għar-roti madwar il-Gżejjer Maltin, l-għerq tal-problema jibqa’ n-numru għoli ta’ karozzi fit-toroq tagħna. Il-miżuri kollha se jibqgħu ifallu sakemm dan ma jkunx indirizzat. F’dan l-istadju nistgħu ngħidu wkoll li d-deċiżjoni li l-karozzi tal-linja jsiru bla ħlas falliet peress li dawk li jivvjaġġaw ma jistgħux jieħdu r-riskju li jipprovaw servizz li fil-ħinijiet l-aktar kruċjali jeħlu fit-traffiku jew jitħallew jistennew hekk kif il-karozzi tal-linja jgħaddu mimlija u ma jgħabbux nies.

S’issa l-unika soluzzjoni possibbli hi t-trasport bil-baħar jew it-trasport tal-massa bħal metro. In-nies jikkunsidraw biss li ma jużawx il-karozza tagħhom jekk ikollhom alternattiva ta’ min jorbot fuqha, bla periklu u affordabbli. Qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali l-gvern ippreżenta pjanijiet ambizzjużi dwar dan iżda n-nuqqas ta’ progress li kien hemm minn dakinhar fejn donnu miet kollox fuq ommu jindika li dan mossa elettorali jew li l-Gvern reġa’ bdielu fuq il-proġett. Filwaqt li pjan bħal dan għandu prezz kbir, u jieħu biss is-snin biex jitwettaq, issa qed nibdew nduqu l-prezz li ma nagħmlu xejn – staġnar fit-toroq, emissjonijiet, imwiet u kwalità tal-ħajja inferjuri. Li ma tagħmel xejn saret tassew kwistjoni ta’ ħajja jew mewt.