In-negozjaturi tal-UE kisbu ftehim mal-istati membri dwar il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni biex tintlaħaq mobilità fit-toroq b’emissjonijiet żero sal-2035 (mira għall-flotta kollha tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 prodotti minn karozzi ġodda tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief b’100 % meta mqabbla mal-2021) . Huwa l-ewwel ftehim tal-pakkett “Fit for 55” u sinjal ċar qabel il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima COP27 li l-UE se tadotta liġijiet konkreti biex tilħaq il-miri aktar ambizzjużi stabbiliti fil-Liġi dwar il-Klima tal-UE.

Il-valutazzjoni tal-emissjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja u l-progress lejn mobilità fit-toroq mingħajr emissjonijiet

Il-Parlament irnexxielu jintroduċi metodoloġija għall-valutazzjoni u r-rappurtar tad-data tal-emissjonijiet taċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tal-karozzi u l-vannijiet mibjugħa fl-UE. Il-Kummissjoni se tippreżenta din il-metodoloġija sal-2025, akkumpanjata minn proposti leġiżlattivi skont il-ħtieġa.

Il-Kummissjoni se tippubblika wkoll rapport sal-aħħar tal-2025, u kull sentejn minn hemm ’il quddiem, biex tevalwa l-progress lejn il-mobilità tat-toroq mingħajr emissjonijiet. Ir-rapport se jkopri l-impatt fuq il-konsumaturi u l-impjiegi, il-progress fl-effiċjenza enerġetika u l-affordabbiltà ta’ vetturi b’emissjonijiet żero u baxxi kif ukoll informazzjoni dwar is-suq għal vetturi użati.

L-allinjament tal-valuri tal-limitu tal-emissjonijiet mal-emissjonijiet tad-dinja reali

Il-Kummissjoni se timmonitorja u tirrapporta kull sena d-distakk bejn il-valuri tal-limitu tal-emissjonijiet u d-data dwar il-konsum tal-fuel u tal-enerġija fid-dinja reali, bil-għan li taġġusta l-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 tal-manifattur mill-2030.

Finanzjament biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta fis-settur tal-karozzi

Skont il-ftehim, il-finanzjament eżistenti tal-UE għandu jiġi mgħoddi lejn it-tranżizzjoni għal vetturi b’emissjonijiet żero u teknoloġiji relatati, u speċjalment lejn SMEs tul il-katina tal-provvista tal-karozzi u reġjuni u komunitajiet vulnerabbli.

Miżuri oħra previsti mir-regolament:

  • Il-mekkaniżmu ta’ inċentiv għal vetturi b’emissjonijiet żero u baxxi huwa rivedut b’punt ta’ referenza ogħla sabiex jiġi żgurat li jkun allinjat max-xejriet attwali tal-bejgħ u jġib karozzi affordabbli b’emissjonijiet żero fis-suq tal-UE;
  • Manifatturi responsabbli għal volumi ta’ produzzjoni żgħar f’sena kalendarja (1,000 sa 10,000 karozza ġdida jew 1,000 sa 22,000 vann ġdid) jistgħu jingħataw deroga sal-aħħar tal-2035 (dawk responsabbli għal inqas minn 1,000 reġistrazzjoni ta’ vettura ġdida fis-sena jibqgħu eżentati) ;
  • Ir-regoli eżistenti għat-tikkettar tal-ekonomija tal-fuel u l-emissjonijiet tas-CO2 għall-karozzi għandhom jiġu riveduti sa tmiem l-2024.

Il-passi li jmiss

Il-Parlament u l-Kunsill se jkollhom japprovaw formalment il-ftehim qabel ma jkun jista’ jidħol fis-seħħ.