Is-sena li għaddiet ġew iffriżati kważi €60 miljun f’assi li ġew minn attività kriminali, li jfisser żieda qawwija meta mqabbla mal-2018 meta l-assi friżati kienu jammontaw għal €3.5 miljun. Din iċ-ċifra ġiet żvelata fir-rapport annwali tal-2021 tal-Asset Recovery Bureau li hija entità pubblika awtonoma li għandu l-funzjoni li tintraċċa, tiffriża u tiddisponi minn assi akkwistati b’mod illegali.

Sa mit-twaqqif tiegħu fl-2018, l-ARB żied l-attività b’mod qawwi tant li l-ammont totali ta’ assi maqbuda żdied minn €3.5 miljun fl-ewwel sena, €5.9 miljun fl-2019, €18.9 miljun fl-2020 u €58.8 miljun fl-2021.

L-ARB qal li din iż-żieda qawwija hi riżultat dirett tal-applikazzjoni tal-għarfien miksub permezz ta’ każijiet preċedenti u t-titjib tal-proċeduri attwali.

Analiżi iktar fid-dettal turi li mit-total tal-assi ffriżati €44.5 miljun kienu jinkludu immobbli bħal proprjetajiet, segwiti minn €9.2 miljun f’depożiti f’kontijiet bankarji, €3.1 miljun f’investimenti u €1.5 miljun f’karozzi.

Żieda fil-ħasil tal-flus

Fl-2021 it-traffikar tad-droga kien ir-reat predominanti, segwit minn ħasil ta’ flus. Madankollu, l-akkużi ta’ ħasil ta’ flus huma rrappurtati li żdiedu speċjalment meta rrapportati flimkien mar-reati relatati ta’ frodi u evażjoni tat-taxxa.

Każijiet aktar kumplessi

Is-snin 2020 u 2021 juru distakk dejjem jikber bejn in-numru ta’każijiet kontra in-numru ta’ rapporti li juri l-każijiet qed isir iktar kumplessi. Filwaqt fl-2019 u l-maġġoranza tal-2020 persuna fiżika waħda jew tnejn ġew imressqa għal kull każ, fl-2021 kien hemm bosta każijiet li dehru ħafna persuni mħarrka li jindikaw bidla fil-kumplessita tal-każijiet infushom.

Dan huwa rifless aħjar fl-ammonti li jindikaw in-numru totali ta’ persuni investigati li kienu qed jiġu koperti mill-ordnijiet ta’ ffriżar maħruġa fl-2019 kontra dawk maħruġa fis-snin ta’ wara. Filwaqt li fl-2019 il-71 ordni ta’ ffriżar kienu qed ikopru total ta’ 76 persuna investigata; L-2020 kellha 66 ordni ta’ ffriżar li jinkludu 102 persuna investigata u fl-2021 is-96 ordni ta’ ffriżar maħruġa kienu jkopru total ta’ 173 persuna investigata.

Fl-2021 l-ARB irċieva 13-il ċertifikat ta’ ffriżar barrani u ħareġ 3 ċertifikati ta’ ffriżar fi Stati Membri differenti.