Il-MPE approvaw kważi €720 miljun f’għajnuna mill-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE wara diżastri naturali f’seba’ pajjiżi tal-UE fl-2021. Is-€718.5 miljun f’għajnuna mill-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (EUSF) se jitqassmu kif ġej:

Fir-rigward tal-għargħar katastrofiċi f’Lulju 2021:

• €612.6 miljun għall-Ġermanja

• €87.7 miljun għall-Belġju

• €4.7 miljun għall-Olanda

• €797,520 għall-Awstrija

• €1.8 miljun għal-Lussemburgu

• Fir-rigward tal-iżbroff tal-vulkan f’La Palma, Spanja: €9.5 miljun

• Fir-rigward tat-terremot fi Kreta, il-Greċja: €1.4 miljun.

Il-pakkett ta’ għajnuna ġie approvat mill-MPE bi 30 vot favur, l-ebda vot kontra u l-ebda astensjoni. Tista’ ssib aktar informazzjoni hawn (proposta tal-Kummissjoni) u fir-rapport tal-PE mir-rapporteur Henrike Hahn (Ħodor/EFA, DE), li jirrakkomanda l-approvazzjoni tal-assistenza tal-EUSF. Il-votazzjoni fil-plenarja hija skedata għas-sessjoni ta’ Diċembru.

Sfond

Il-Fond inħoloq bħala reazzjoni għall-għargħar sever fl-Ewropa Ċentrali fis-sajf tal-2002. Minn dakinhar, intuża għal 100 diżastru li jkopri firxa ta’ avvenimenti katastrofiċi differenti inklużi għargħar, nirien fil-foresti, terremoti, maltempati u nixfa. Il-Fond ġie mobilizzat ukoll għal 20 intervent bħala rispons għal emerġenzi tas-saħħa pubblika. 28 pajjiż Ewropew differenti ġew appoġġjati s’issa għal ammont ta’ aktar minn €7 biljun.