L-użu ta’ e-money cards f’Malta, bħal Revolut, laħaq l-ogħla livell ta’ kull żmien bin-numru ta’ cards maħruġa jaqbeż il-karti ta’ kreditu u debitu tradizzjonali.

Jirriżulta li s-sena li għaddiet f’Malta inħarġu 2.13 miljun card, li minnhom 1.2 miljun kellhom funzjoni ta’ e-money – cards pre-paid li jistgħu jew jerġgħu jimtlew bil-flus minn kont ta’ flus elettroniċi jew ikunu jintużaw darba biss.

Din ix-xejra ħarġet minn studju tal-Bank Ċentrali ta’ Malta li analizza t-tranżazzjonijiet fil-point of sales matul il-perjodu ta’ ħames snin bejn l-2017 u l-2021. F’dawn is-snin kien hemm tnaqqis fit-tranżazzjonijiet u l-cards maħruġa fl-eqqel tal-Covid-19, iżda kif għadda kollox ix-xejra ‘l fuq reġgħet bdiet tirranka.

E-money cards, karti ta’ debitu u ta’ kreditu

Fl-2021 il-cards b’funzjoni ta’ flus elettroniċi ammontaw għal 56.6% tan-numru totali ta’ cards maħruġa f’Malta, filwaqt li debit cards ammontaw għal 35.4%. Barra minn hekk sal-2020 in-numru ta’ credit cards beda jonqos, u minn 181,720 fl-2017 niżel għal 167,569, bl-ogħla tnaqqis ta’ 10,149 irreġistrat fl-2020. Bl-istess mod, id-debit cards inizjalment naqsu b’mod sinifikanti, qabel ma żdiedu b’7.5% fl-2020 u bi 11.0% oħra matul l-2021. Sa tmiem dik is-sena kien hemm 753,809 karta ta’ debitu użati.

Fir-rigward ta’ cards maħruġa b’funzjoni ta’ flus elettroniċi (cards prepaid), dawn naqsu b’mod kostanti minn 783,339 fl-2017 għal 657,959 fl-2020, qabel ma rreġistraw żieda qawwija ta’ 83.5% b’1.2 miljun card prepaid maħruġa fl-2021.

Ħlasijiet fil-POS terminals

In-numru ta’ terminals POS li jinsabu f’Malta żdied minn 15,761 fl-2017 għal 17,968 fl-2021, li rriżulta f’żieda kumulattiva ta’ 14% f’ħames snin. Fl-2021 ġiet reġistrata l-aktar żieda qawwija fis-sena ta’ 8.7%, jew 1,430 terminal fiżiku

Il-volum u l-valur ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas b’cards bħal dawn qed jiżdiedu b’mod konsistenti, u rreġistraw żieda ta’ 85.1% f’termini ta’ volum, minn 16.4 miljun

tranżazzjoni fl-2017 sa 30.4 miljun fl-2021. Iż-żieda fil-valur, għalkemm inqas, kienet xorta waħda qawwija ħafna, b’57.1% minn €913.5 miljun fl-2017 għal €1.4 biljun fl-2021.

Min-naħa l-oħra, il-valur medju għal kull tranżazzjoni POS naqas minn €56 fl-2017 għal €47 fl-2021, li jfisser li l-konsumaturi, bħala medja, użaw il-karta tal-ħlas tagħhom biex iħallsu ħlasijiet ta’ valur aktar baxx f’terminals fiżiċi tal-POS.

Il-valuri jsegwu l-istess xejra, u jirreġistraw żieda konsiderevoli ta’ 37.8%, minn medja ta’ €57,957 għal kull terminal fl-2017 għal €79,874 għal kull terminal fl-2021. Dan juri li minkejja li n-numru ta’ terminals POS qed jiżdiedu, iż-żieda fil-volum u l-valur tat-tranżazzjonijiet effettwati b’cards maħruġa lokalment kienet aktar sinifikanti, tanti li rriżultat f’żidiet konsistenti fin-numru ta’ tranżazzjonijiet f’kull terminal matul is-snin.

Ħlasijiet online

Bejn l-2017 u l-2021 t-tranżazzjonijiet online żdiedu b’152.6% fil-volum (minn 9.5 miljun fl-2017 għal 23.9 miljun fl-2021). Bl-istess mod, għalkemm aktar dgħajjef, il-valur tat-tranżazzjonijiet bħal dawn żdied ukoll b’mod sinifikanti, b’124.6%, minn €701.9 miljun fl-2017 għal €1,576.5 miljun fl-2021. Is-sena li għaddiet il-volum ta’ tranżazzjonijiet ta’ ħlas online irreġistra żieda ta’ 23.9% fuq l-2020, filwaqt li l-valur rispettiv irreġistra żieda ta’ 30.7%. Is-sehem ta’ tranżazzjonijiet online b’cards maħruġa minn PSPs lokali fil-konsum privat ta’ residenti f’Malta u barra minn Malta kważi rdoppja mill-2017, u tela’ minn 13.3% għal 26.0%