Kif taħdem scam (skema ta’ ingann)?
Dan l-aħħar rajna numru ta’ scams f’Malta – inkluż phishing, u frodi fuq stejjer ta’ mħabba u ta’ email kummerċjali. Gazzetti irrappurtaw li negozju wieħed tilef kważi €90,000 bħala riżultat ta’ frodi ta’ email ta ’negozju u ’l fuq minn €100,000 ġew frodati minn persuni mill-Maltapost phishing scam.
Is-sena l-oħra, ĠEMMA u l-eSkills Malta Foundation iffirmaw sħubija strateġika biex ixerrdu għarfien dwar il-kapaċità finanzjarja diġitali. Ħriġna 4 e-books dwar scams u frodi u Infographics li joffru pariri kif tipproteġi lilek innifsek fir-rigward ta’ aktar minn 30 scams u frodi differenti. Kemm ĠEMMA kif ukoll il-Fondazzjoni qegħdin ixerrdu dawn fuq il-kanali tal-midja soċjali rispettivi tagħhom.
Dan huwa l-ewwel minn 3 artikli li qed nippreżentaw dwar scams u frodi biex nagħmlu n-nies isiru aktar konxji ta’ x’inhuma scams u frodi, miżuri bażiċi iżda importanti ta’ protezzjoni li wieħed għandu jieħu, u x’għandu jagħmel wieħed f’każ li jirrealizza li ġew ingannati.
Ħafna scams isegwu l-istess mudell – jekk tifhem dan il-mudell ikun aktar faċli għalik li tinduna bihom. Il-mod kif taħdem scam huwa deskritt hawn taħt.
It-tattika li juża l-iscammer: L-iscammer javviċinak bi storja maħsuba apposta biex iġiegħlek temmnu. L-iscammer jilgħab bl-emozzjonijiet u l-imġiba tiegħek – bħal opportunità biex tagħmel kemxa flus, biex issib sieħeb jew sieħba, jew biex tgħin lil xi ħadd fil-bżonn. L-iscammer dejjem se jippreżenta ruħu bħala uffiċjal tal-gvern jew ta’ xi kumpanija – inklużi kumpaniji li inti familjari magħhom – bħala espert fl-investimenti, uffiċjal ta’ xi lotterija, jew xi mara attraenti.
L-iscammer se juża kwalunkwe wieħed minn dawn it-tattiċi:
Dan għadu l-metodu favorit; irħis u mod tajjeb kif scammer jikkomunika ma’ numru kbir ta’ persuni. | |
Midja soċjali (Facebook, Instagram, eċċ.), websites tad-dating, forums online | Dawn huma pjattaformi li inti tuża jew tibbrawżja b’mod regolari. Bihom tista’ tavviċina persuna u tistabbilixxi kuntatt magħha, u bihom l-iscammer jipprova jkun “friend”. |
Websites tax-xiri online, classifieds u websites tal-irkant online | Dawn jintużaw mill-iscammers biex jikkuntattjawk. L-ewwel kuntatt ġeneralment isir permezz ta’ websites stabbiliti u fdati jew websites foloz li minn barra jkunu jidhru ġenwini. |
Telefonati | F’ħafna scams differenti t-telefonati mill-iscammers isiru direttament lid-djar u lin-negozji, ibda minn scams b’theddid li jinvolvu t-taxxa għal offerti ta’ premjijiet jew “għajnuna” kontra xi virus fil-kompjuter. |
SMS | L-iscammers għandhom tendenza li jibagħtu varjetà kbira ta’ scams bl-SMS, inklużi scams li jinvolvu kompetizzjonijiet jew premjijiet. |
Bieb Bieb | Dan normalment jinvolvi li l-iscammer jippromovi oġġetti jew servizzi li finalment jibqgħu mhux ikkonsenjati jew li jkunu ta’ kwalità skarsa. |
Rappreżentant ta’ xi għaqda filantropika, jew tal-Knisja jew tal-banda ta’ fejn toqgħod | L-iscammer jitlob donazzjonijiet b’risq xi każi pjetużi jew għal xi proġett soċjali/reliġjuż li jkun qed isir u li għalih ikunu qed jinġabru l-fondi. |
L-armi li juża l-iscammer ikunu maħsuba biex iġegħluk tbaxxi l-livell ta’ attenzjoni, tibla’ l-istorja li jgħidlek, u taġixxi b’mod mgħaġġel jew b’mod irraġonevoli u hekk tgħaddi għall-istadju finali – dak li tibgħat il-flus jew tipprovdi informazzjoni personali. L-armi tal-iscammer jinkludu dawn:
- Jivvinta stejjer elaborati iżda konvinċenti biex jikseb dak li jrid.
- Juża d-dettalji personali tiegħek biex iġiegħlek taħseb li diġà kellek x’taqsam miegħu qabel u hekk l-iscam tidher regolari.
- Jikkuntattjak regolarment biex tinbena relazzjoni ta’ fiduċja bejnietkom.
- Jilgħab bl-emozzjonijiet tiegħek billi juża l-eċċitament li kapaċi jqabbdek xi rebħ ta’ lotterija, il-wegħda ta’ relazzjoni ta’ mħabba, simpatija għal xi inċident sfortunat, sens ta’ ħtija jekk ma tgħinx, jew ansjetà u biża’ minn arrest jew multa.
- Joħloq sens ta’ urġenza biex ma jkollokx ċans taħseb sew fuq dak li jgħidlek, u hekk tispiċċa taġixxi fuq l-emozzjonijiet aktar milli fuq ir-raġuni.
- Bl-istess mod, jagħmel pressjoni kbira fuqek billi juża tattiċi aggressivi, bħal pereżempju jgħid li din hija offerta limitata, li l-prezzijiet ftit ieħor se jogħlew, jew li se jseħħ xi ċaqliq fis-suq u l-opportunità se tintilef.
- Ikollu l-karatteristiċi kollha ta’ negozju reali billi juża pamflets attraenti, b’lingwaġġ tekniku li normalment jintuża fl-industrija partikolari, u kollox ippreżentat fuq sfond ta’ ritratti ta’ faċċati ta’ uffiċini, call centres u websites professjonali.
- Joħloq dokumenti foloz li jkunu jixbhu ħafna lil dawk uffiċjali – bħal dokumenti li jidhru li għandhom l-approvazzjoni tal-gvern jew mimlijin b’lingwaġġ legali li jista’ jagħti lill-iscam impressjoni ta’ awtorità.
It-talba biex tibgħat il-flus tista’ ssirlek fil-punt meta jsir il-kuntatt miegħek jew wara xhur li matulhom l-iscammer ikun ipprova jibni relazzjoni miegħek. Kull scammer għandu l-mod preferut tiegħu ta’ kif tibgħatlu l-flus. Il-metodi jvarjaw – wire transfer, karta tal-kreditu/tad-debitu, trasferiment bankarju, Bitcoin, eċċ.
ĠEMMA fil-21 ta ’Ġunju 2021 iffirmat sħubija strateġika mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali. Kemm ĠEMMA kif ukoll l-eSkills Malta Foundation qed jaħdmu mal-Assoċjazzjoni sabiex minn Ottubru 2021, isiru fora pubbliċi dwar scams u frodi fil-komunitajiet lokali.