Ilkoll nafu li t-tipjip hu ħażin għalina. Imma kemm hawn minnkom li jaf  kemm hu ħażin għad-dinja li ngħixu fiha ? Mill-mument li ż-żerriegħa jmorru fil-ħamrija sal-mument li jitnixxef u l-weraq mqattgħin jitqabbdu mill-1.1 biljun persuna fid-dinja li tpejjep, it-tabakk iħalli traċċa ta’ qerda liema bħalha. 

Ir-riċerkaturi mill-Imperial College ta’ Londra sabu li l-impronta tal-karbonju annwali ta’ l-industrija hija kważi d-doppju ta’ dik ta’ Wales. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tisħaq li jekk nibqgħu nkabbru x-xtieli tat-tabakk biex tintlaħaq id-domanda, se jkollna qerda ambjentali devastanti. 

It-tkabbir tat-tabakk u t-tnixxif tal-weraq jammontaw għal aktar minn 75 fil-mija tal-impronta  tal-karbonju tat-tabakk. It-tabakk jeħtieġ meded kbar ta’ art, ilma u enerġija, kif ukoll pestiċidi u fertilizzanti li jniġġsu x-xmajjar u l-ilma  tal-pjan  kif ukoll jeqred il-ħamrija. 

It-trasport u l-manifattura tas-sigaretti jżidu mal-problema tossika. Skont Unfairtobacco.org, proġett immexxi mill-Working Group ta’ Berlin dwar l-Ambjent u  l-Iżvilupp, l-industrija tuża 2.4  miljun tunnellata ta’ karta tas-sigaretti u kartun għall-ippakkeġġjar kull sena.  

Imbagħad hemm il-loqom infushom. Minn kważi sitt triljun sigarett li jitpejpu kull sena, 4.5 triljun huma mormija bl-addoċċ. Il-Parlament Ewropew jgħid li loqma waħda  ta’ sigarett jista’ jniggeż sa 1,000 litru ilma  b’sustanzi tossiċi, li jistgħu jsibu ruħhom lura fil-katina tal-ikel tagħna. 

Il-gvernijiet dinjija, u ta’ Malta mhux eċċezzjoni, iridu jassiguraw li l-kumpaniji tat-tabakk ikunu responsabbli tal-impatt ambjentali tagħhom. 

Intant, għalkemm għal xi wħud, l-aktar mod faċli biex wieħed idur madwar il-ħsara li jagħmlu s-sigaretti hu li jagħmel użu mill-alternattivi elettroniċi, l-effetti fit-tul ta’ dawn tal-aħħar fuq saħħet il-bniedem għadhom mhux magħrufa. Lanqas mhu magħruf l-impatt tal-iskart tagħhom fuq l-ambjent.  

Il-leġislaturi Ewropej jgħidu li għadhom ma sabux tarf ta’ kif jirregolarizzaw ir-rimi tagħhom u dan minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni. Imma l-ħafna materjali li jsawru sigarett elettroniku, inkluż il-plastik u l-ħġieġ, u sustanzi tossiċi bħan-nikotina, mhux se jagħmlu r-riċiklaġġ faċli. L-aktar punt kritiku hu li għandu jinħoloq mekkaniżmu li jħares kif is-sigaretti elettroniċi qed jintremew. L-UE wkoll issostni li trid tittieħed deċiżjoni dwar kif is-sigaretti elettronċi jkunu trattati bħala skart  tossiku. 

Il-falliment biex tittieħed azzjoni qed iħasseb lill-ambjentalisti għax hi biss kwistjoni ta’ żmien qabel mas-sigaretti elettroniċi u l-loqom  tradizzjonali jinstabu mormija ħdejn xulxin fuq xi bajja ramlija.