Is-saltna tad-dritt trid tissaħħaħ b’riformi kostituzzjonali urġenti
F’intervista li ġiet pubblikata fil-gazzetta The Sunday Times tal-Ħadd 29 ta’ Ottubru, il-Prof. Kevin Aquilina, id-Dekan tal-Fakulta’ tal-Liġi, jistqarr li jekk ikun hemm kollass fil-liberta’ tal-espressjoni jkun hemm kollass fis-saltna tad-dritt.
“It-trasparenza, il-governanza u gvern miftuħ huma parti mis-saltna tad-dritt…ma jistax ikollok sitwazzjoni fejn il-gvern jinħeba wara r-regolamenti sabiex iċaħħad l-aċċess għall-informazzjoni,” saħaq il-Professur Aquilina.
Il-Professur Aquilina jikkontendi li l-kriminalita’ tikber meta s-saltna tad-dritt tingħata bis-sieq. Hu qal li jkun hemm sitwazzjoni fejn il-korruzzjoni tirrenja: aktar ma jkun hemm korruzzjoni, akbar tkun il-probabbilta’ li s-saltna tad-dritt ma tkunx qed tiffunzjona.
Imma din is-sitwazzjoni kif tista’ tiġi rimedjata? Dawn il-problemi jistgħu jiġu indirizzati billi fil-Kostituzzjoni jkunu introdotti kunċetti ġodda, fosthom, il-kontabbilta’. Il-Professur Aquilina qed jissuġġerixxi li jkun hemm tisħiħ fil-metodu ta’ kif issir il-ħatra ta’ kumitati kostituzzjonali, inkluż dak tal-President, u jkun hemm is-separazzjoni ta’ dmirijiet bejn l-Avukat Ġenerali u direttur ġdid tal-prosekuzzjonijiet pubbliċi.
L-istess linja ta’ ħsieb ġiet espressa minn Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, meta waqt id-diskors tiegħu fit-tieni protesta nazzjonali, organizzata mis-Civil Society Network, f’Tas-Sliema nhar il-Ħadd 29 ta’ Ottubru, hu ippropona li tibda riforma “li twassal għal tiġdid f’dik li hi s-separazzjoni tal-poteri; fejn nies fil-pożizzjonijiet tal-Kummissarju tal-Pulizija u tal-Avukat Ġenerali, fost ohrajn, jinħatru b’żewg terzi tal-Parlament; fejn jsiru ħatriet ta’ persuni li jgawdu r-rispett tal-partijiet kollha. Dan għax il-ġustizzja trid, mhux biss issir iżda tidher li qed issir, u biex l-ġustizja tidher li qed issir l-persuni nkarigati fil-process tal-ġustizzja jridu jkunu persuni li jispiraw liċ-ċittadini li huma persuni integri u liberi biżżejjed sabiex jagħmlu dan”.
Mistoqsi biex jagħti definizzjoni dwar is-saltna tad-dritt, id-Dekan tal-Fakulta’ tal-Liġi jgħid li d-definizzjoni preferuta tiegħu hi waħda sempliċi ħafna: li n-nies għandhom jobdu l-liġi u jkunu gvernati mil-liġi.
“Is-saltna tad-dritt tfisser ħafna affarijiet: il-gvern għandu jimxi mal-liġi, għandu jkun hemm ugwaljanza quddiem il-liġi, għandu jkun hemm rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, għandu jkun hemm separazzjoni ta’ poteri bejn it-tliet organi tal-istat, u l-qrati għandhom ikunu aċċessibbli mill-pubbliku, sabiex il-pubbliku jkun jista’ jisfida l-azzjoni tal-Gvern jew liġi li tkun għaddiet mill-Parlament”, jisħaq il-Professur Aquilina.