Il-pandemija tal-COVID-19 ġiegħlet lil ħafna intrapriżi jżidu jew saħansitra jaqilbu lejn teknoloġiji diġitali biex iżommu l-attivitajiet tagħhom.

L-Eurostat reċentement ippubblikat statistika li wriet kif l-UE adottat din it-trasformazzjoni diġitali, meħtieġa għat-titjib tar-reżiljenza ekonomika tan-negozji.

Id-data turi li fl-2020, 33% tal-intrapriżi tal-UE żiedu s-sehem tal-impjegati b’aċċess mill-bogħod għas-sistema tal-email tal-kumpanija u l-istess żieda perċentwali fil-proporzjon tal-ħaddiema b’aċċess mill-bogħod għal sistemi oħra tal-ICT. Notevolment, Malta rreġistrat l-ogħla rata ta’ intrapriżi li żiedu l-persentaġġ ta’ ħaddiema li għandhom aċċess mill-bogħod għas-sistema tal-email tal-intrapriża b’żieda ta’ 55%, u sistemi tal-ICT minbarra l-email b’żieda ta’ 58%.

Barra minn hekk, f’termini ta’ laqgħat remoti li saru online, nofs l-intrapriżi tal-UE rrappurtaw li żiedu n-numru tagħhom fl-2020. Fil-każ ta’ Malta, 76% tal-intrapriżi żiedu n-numru ta’ laqgħat online, li jirrifletti t-tieni l-ogħla żieda fl-UE.

It-tranżizzjoni diġitali tal-Ewropa timxi id f’id mal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Is-sostenn ta’ din il-bidla se jġib impatt pożittiv fuq it-tnaqqis tal-konġestjoni tat-traffiku, it-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja, u t-tnaqqis tal-ħtieġa għal uffiċċji, u fl-aħħar mill-aħħar tikkontribwixxi għal bliet aktar ekoloġiċi u sostenibbli.