Is-Sessjoni Plenarja tat-8 u d-9 ta’ April tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa iddiskutiet proposti konkreti. Il-Presidenti u l-kelliema ta’ disa’ Gruppi ta’ Ħidma ressqu abbozz ta’ proposti konsolidati, miġbura skont it-tema, fil-Plenarja tal-Konferenza. Il-proposti, kienu prinċipalment ibbażati fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Panels taċ-Ċittadini Ewropej, kif ukoll il-bordijiet nazzjonali, u arrikkiti b’ideat mill-Pjattaforma Diġitali Multilingwi, u diskussi mill-Membri kollha tal-Plenarja.

Il-MPE qalu li l-Konferenza hija eżerċizzju bla preċedent ta’ ftuħ u demokrazija, u faħħru l-ħidma taċ-ċittadini Ewropej matul il-proċess. Huma wegħdu li l-Parlament Ewropew se jiżgura li l-proposti taċ-ċittadini jittieħdu bis-serjetà. Ħafna MPE qablu mat-talba miċ-ċittadini għal bidla fit-Trattat u talbu għal konvenzjoni biex din tiġi diskussa.

Għadd ta’ MPE issuġġerew it-tisħiħ tas-setgħat tal-Parlament Ewropew bħala mod kif iċ-ċittadini jiġu involuti aktar fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE. Huma enfasizzaw b’mod speċifiku li l-PE għandu jingħata d-dritt għal inizjattiva baġitarja, id-dritt li jiskrutinizza l-eżekuttiv permezz ta’ kumitat ta’ inkjesta, u kompetenza sħiħa fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà bħala talbiet ewlenin. Il-MPE talbu wkoll li l-iskejjel jinkludu l-edukazzjoni dwar il-valuri, id-demokrazija u l-istorja Ewropeja, u dwar kif tiffunzjona l-UE.

Fir-rigward ta’ oqsma ta’ politika differenti, il-MPE appellaw għal sistema tal-kura tas-saħħa aktar b’saħħitha li tiggarantixxi livell minimu ta’ kura tas-saħħa, u aċċess ugwali għad-diġitalizzazzjoni għaċ-ċittadini kollha irrispettivament minn fejn jgħixu fl-UE. Huma enfasizzaw ukoll l-importanza ta’ dimensjoni soċjali b’saħħitha bħala parti mit-tranżizzjoni ekoloġika, u l-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi u d-diversità kulturali u lingwistika.

Ir-reġistrazzjonijiet tas-sessjonijiet plenarji skont is-suġġett huma disponibbli fuq il-links li ġejjin:

Tista’ tara r-reġistrazzjonijiet tal-laqgħat tal-Grupp ta’ Ħidma fuq il-pjattaforma taċ-Ċentru Multimedjali tal-Parlament.

Il-passi li jmiss

Is-sessjoni plenarja finali tal-Konferenza hija skedata għad-29–30 ta’ April fi Strasburgu, fejn il-proposti mistennija li jiġu approvati mill-Plenarja fuq bażi kunsenswali. Il-Bord Eżekuttiv tal-Konferenza ser jinkludi dawn il-proposti fir-rapport finali tal-Konferenza, li ser jintbagħat lill-Presidenti tal-istituzzjonijiet tal-UE fid-9 ta’ Mejju fi Strasburgu, fiċ-ċerimonja li ser tagħlaq il-Konferenza.